Wara l-farsa li għamel mil-liġi internazzjonali meta ordna l-użu militari fil-Venezwela li wasslet għall-ħtif tal-President Nicolás Maduro, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump issa qed ikompli bil-fissazzjoni tiegħu li jieħu l-ġżira ta’ Greenland akkost li jagħmel dan anki bl-użu tal-forza militari.
Fil-fatt, Trump ilu jiddiskuti firxa ta’ għażliet biex jakkwista Greenland tant li l-White House qalet li l-akkwist tal-Greenland – reġjun semi-awtonomu tad-Danimarka u membru tan-NATO – huwa prijorità tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti.
Id-dikjarazzjoni tal-White House ħarġet sigħat biss wara li l-mexxejja Ewropej ħarġu stqarrija konġunta b’appoġġ lid-Danimarka, li ilha tirreżisti l-ambizzjonijiet ta’ Trump li jaħtaf il-gżira Artika li hija l-ikbar gżira fid-dinja.
Trump tenna matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet li l-Istati Uniti “kellha bżonn” lil Greenland għal raġunijiet ta’ sigurtà. Dan wassal lill-Prim Ministru Daniża Mette Frederiksen biex twissi li kwalunkwe attakk mill-Istati Uniti jfisser it-tmiem tan-NATO.
Matul il-jum tat-Tlieta, il-White House qalet li l-President Trump u t-tim tiegħu qed jiddiskutu firxa ta’ għażliet biex isegwu dan l-għan importanti tal-politika barranija Amerikana, u naturalment, l-użu tal-militar tal-Istati Uniti huwa dejjem għażla għad-dispożizzjoni ta’ Trump.
In-NATO hija grupp militari trans-Atlantiku fejn l-alleati huma marbuta li jgħinu lil xulxin f’każ li xi ħadd minnhom jiġi attakkat. Nhar it-Tlieta, sitt alleati Ewropej esprimew appoġġ għad-Danimarka.
Il-Greenland tappartjeni lill-poplu tagħha, u d-Danimarka u l-Greenland biss jistgħu jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom, qalu l-mexxejja tar-Renju Unit, Franza, il-Ġrmanja, l-Italja, il-Polonja, Spanja, u d-Danimarka fl-istqarrija konġunta.
Filwaqt li enfasizzaw li kienu ħerqana daqs l-Istati Uniti fis-sigurtà tal-Artiku, il-firmatarji Ewropej tad-dikjarazzjoni konġunta qalu li dan irid jinkiseb mill-alleati tan-NATO, inkluż l-Istati Uniti kollettivament.
Is-sitt membri tan-NATO appellaw ukoll biex jiġu rispettati l-prinċipji taċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi s-sovranità, l-integrità territorjali u l-invjolabbiltà tal-fruntieri.
Il-Prim Ministru tal-Greenland Jens-Frederik Nielsen laqa’ d-dikjarazzjoni u appella għal djalogu rispettuż fi sfond tar-rispett għall-fatt li l-istatus tal-Greenland huwa msejjes fuq il-liġi internazzjonali u l-prinċipju tal-integrità territorjali.
Il-Greenland, li għandha popolazzjoni ta’ 57,000 ruħ, kellha awtonomija estensiva mill-1979, għalkemm id-difiża u l-politika barranija għadhom f’idejn id-Danimarka.
Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Greenlandiżi huma favur l-indipendenza eventwali mid-Danimarka, l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika juri oppożizzjoni kbira u ħarxa li jsiru parti mill-Istati Uniti, li diġà għandha bażi militari fuq il-gżira.




