Il-mossa tas-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio li jirrevoka l-viża ta’ tmien imħallfin tal-Qorti Suprema tal-Brażil hija l-aħħar tentattiv mill-amministrazzjoni ta’ Donald Trump biex tgħin lill-eks president tal-lemin Brażiljan Jair Bolsonaro jevita l-ġustizzja dwar allegat kolp ta’ stat fl-2022.
Jair Bolsonaro, populista tal-lemin estrem b’rabtiet mill-qrib mal-moviment Maga ta’ Donald Trump, qed jiġi pproċessat talli allegatament kellu pjan qattiel biex iżomm il-poter wara li tilef l-elezzjoni tal-2022 kontra r-rivali tax-xellug, Luiz Inácio Lula da Silva. Bolsonaro mistenni jinstab ħati mill-qorti suprema fil-ġimgħat li ġejjin u jiffaċċja sentenza sa 43 sena ħabs.
Waqt li qed joqrob il-jum tas-sentenza, Trump qed iżid il-pressjoni fuq il-qorti suprema tal-Brażil u fuq l-amministrazzjoni tal-President Lula. Fid-9 ta’ Lulju, il-president tal-Istati Uniti ħabbar li se jimponi tariffi ta’ 50% fuq l-importazzjonijiet Brażiljani kollha mill-1 ta’ Awwissu, parzjalment bħala riżultat tal-persekuzzjoni allegata tal-alleat tiegħu Bolsonaro. Il-mossa ta’ Trump qanqlet rabja nazzjonalista fil-pajjiż tal-Amerika t’Isfel, b’Lula jiddeskriviha bħala “rikatt inaċċettabbli”.
Nhar il-Ġimgħa, wara li l-pulizija federali għamlet rejd fid-dar ta’ Bolsonaro, is-segretarju tal-istat Amerikan Marco Rubio ħabbar aktar passi b’appoġġ għall-akkużat, li sostna li kien vittma ta’ “kaċċa politika”.
Fil-kitba tiegħu fuq X, Rubio qal li kien ordna r-revoki tal-viża għall-imħallef li qed imexxi l-investigazzjoni dwar Bolsonaro, Alexandre de Moraes, kif ukoll “l-alleati tiegħu fil-qorti” u l-membri tal-familja tagħhom.
Rubio ma semmiex l-imħallfin l-oħra iżda l-gazzetta Brażiljana O Globo identifikathom bħala Luís Roberto Barroso, José Antonio Dias Toffoli, Cristiano Zanin, Flávio Dino, Cármen Lúcia Antunes Rocha, Luiz Edson Fachin u Gilmar Ferreira Mendes.
Iż-żewġ imħallfin l-oħra li kienu nominati għall-qorti suprema matul il-presidenza ta’ Bolsonaro tal-2019-23, André Mendonça u Kassio Nunes Marques, allegatament evitaw is-sanzjoni, kif għamel ukoll it-tielet imħallef, Luiz Fux.
Lula kkundanna dak li sejjaħ miżura oħra arbitrarja u kompletament bla bażi mill-gvern tal-Istati Uniti.
L-indħil fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiż ieħor mhuwiex aċċettabbli u joffendi l-prinċipji bażiċi tas-sovranità nazzjonali u r-rispett bejn in-nazzjonijiet.
“Jiena ċert li l-ebda tip ta’ intimidazzjoni jew theddida – minn min ikun – mhi se tikkomprometti l-aktar missjoni importanti tas-setgħat u l-istituzzjonijiet ta pajjiżna, li hija li naġixxu b’mod permanenti biex niddefendu u nssalvagwardjaw l-istat tad-dritt demokratiku” qal nhar is-Sibt li għadda l-President Lula.
L-interventi ta’ Trump ixxukkjaw lil miljuni ta’ Brażiljani li jittamaw li jaraw lill-eks mexxej tagħhom jinżamm responsabbli għall-allegat attentat ta’ kolp ta’ stat, li laħaq il-qofol tiegħu fl-irvellijiet tat-8 ta’ Jannar fi Brasília.