L-Istati Uniti tal-Amerika qalet li se tkun qiegħda tnaqqas ir-restrizzjonijiet tal-internet ġewwa l-Iran u dan biex tirribatti l-attentati ta’ Tehran biex isikktu lid-dimostranti li qed jipprotestaw dwar il-mewt ta’ Mahsa Amini. Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken qal li, “aħna se nagħmlu żgur li l-poplu Iranjan ma jkunx miżmum fid-dlam dwar dak li qed jiġri.”
F’dawn l-aħħar jiem kien hemm għadd ta’ dimostrazzjonijiet ġewwa l-Iran u li fihom minn tal-inqas 35 persuna tilfu ħajjithom – instabbiltà li qiegħda tkun meqjusa bħala l-agħar waħda f’dan il-pajjiż f’dawn l-aħħar snin. Kollox beda hekk kif Mahsa Amini, mara Kurda ta’ 22 sena, mietet wara li sfat arrestata mill-pulizija tal-mortalità minħabba li ma kinitx liebsa ħiġab. Hija kien ilha tlett ijiem f’koma qabel mietet.
B’rabta ma’ dan il-każ saru numru ta’ allegazzjonijiet li Amini ngħatat daqqiet ta’ bastun f’rasha mill-istess pulizija. Min-naħa tagħhom il-pulizija qalu li ma hemm l-ebda evidenza ta’ trattament ħażin u huma qalu li Amini mietet minħabba li sofriet “attakk tal-qalb f’daqqa”.
Meta kien qiegħed jitkellem mal-midja Blinken qal li r-rilassament tar-restrizzjonijiet fl-internet huma “pass konkret ta’ appoġġ lejn il-poplu Iranjan li qiegħed jitlob li d-drittijiet bażiċi tiegħu jiġu rrispettati.” Huwa żied jgħid li huwa ċar li l-gvern Iranjan qed “jibża’ mill-poplu tiegħu” u għalhekk din l-azzjoni tal-Istati Uniti se tgħin biex tnaqqas “iċ-ċensura u s-sorvejlanza” fuq il-poplu.
Fid-dawl ta’ dan, il-biljunarju Elon Musk qal fuq Twitter li huwa lest li jattiva l-kumpanija tiegħu li tipprovdi l-internet bis-satellita – magħrufa bħala Starlink – biex din tkun tista’ tipprovdi l-internet liċ-ċittadini Iranjani. Starlink tipprovdi s-servizz tal-internet permezz ta’ network kbir ta’ satelliti u hija intiża li tipprovdi servizz lil dawk iż-żoni remoti li ma jistax ikollhom internet veloċi.