Friday, December 27, 2024

L-Istati Uniti taqbel li tagħti sistemi avvanzati ta’ rokits lill-Ukrajna

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, ħabbar li pajjiżu se jkun qiegħed jibgħat sistemi ta’ rokits avvanzati lejn l-Ukrajna biex din tal-aħħar tkun tista’ tiddefendi lilha nnifisha kontra l-aggressjoni Russa. 

Dawn l-armi, li l-Ukrajna ilha żmien titlob għalihom, għandhom il-kapaċità li jolqtu lill-għadu minn distanza twila ħafna u b’mod preċiż. S’issa, l-Istati Uniti kienet dejjem naqset milli taċċetta t-talba li tibgħat armi li jistgħu jintużaw fuq miri Russi. B’reazzjoni għal dan l-aħħar żvilupp, Moska qalet li hija tqis din l-aħħar deċiżjoni tal-Istati Uniti bħala waħda “estremament negattiva”.

Min-naħa tiegħu, il-President Biden qal li din l-għajnuna se twassal għall-paċi u dan hekk kif il-pożizzjoni diplomatika Ukrena fil-konfront tar-Russja se tissaħħaħ u b’hekk ikun hemm iktar ċans li dawn iż-żewġ pajjiżi għedewwa jitkellmu. F’kolonna li kiteb fi New York Times, Biden qal: “U għalhekk li jien iddeċidejt li nipprovdi rokits avvanzati lill-Ukreni u munizzjon li jgħinhom jolqtu miri b’mod preċiż”. Analisti li tkellmu mal-midja internazzjonali qalu li din hija pjuttost mossa riskjuża min-naħa ta’ Biden, hekk kif l-għoti ta’ dawn l-armi jista’ jressaq lill-Istati Uniti u n-NATO f’kunflitt dirett mar-Russja. 

Ix-xahar li għadda, il-kman­dant tal-armata Ukrena kien qal li dawn l-armi – magħrufa bħala HIMARS – huma kruċjali biex jirribattu l-qilla tar-Russja. L-Istati Uniti qiegħda tistenna li l-Ukrajna tiskjera dawn l-armi fil-Lvant tar-reġjun tad-Donbas, u jintużaw biex jeqirdu l-artillerija Russja li qiegħda tispara fuq bliet Ukreni.

L-uffiċjali tal-White House qalu li huma qablu li jagħtu dawn ir-rokits wara li l-President Ukren Volodomyr Zelensky tahom garanzija li dawn l-armi mhux se jintużaw fuq miri fir-Russja. Biden, fil-kolonna msemmija iktar kmieni, kiteb li “Aħna mhux se nibagħtu sistemi ta’ rokits lejn l-Ukrajna biex jattakkw miri fir-Russja.”

Ekonomija

Sport