Fis-sigħat li għaddew, l-Istati Uniti wettqet attakki fuq tliet faċilitajiet nukleari fl-Iran – Natanz, Isfahan u Fordo.
F’indirizz lin-nazzjon, il-President Amerikan Donald Trump iddeskriva din l-operazzjoni bħala “suċċess militari spettakolari” u wissa lil Tehran biex taġixxi malajr għall-paċi inkella tista’ tiffaċċja “attakki ferm akbar”.
Sadanittant, l-Iżrael laqa’ l-involviment tal-Istati Uniti, bil-Prim Ministru Benjamin Netanyahu jgħid li din id-deċiżjoni kuraġġuża se tkun qiegħda “tbiddel il-perkors tal-istorja.”
Fl-Istati Uniti kien hemm reazzjoni mħallta mil-leġiżlaturi skont il-linji rispettivi tal-partiti, bir-Repubblikani jfaħħru lil Trump filwaqt li d-Demokratiċi jwissu li l-Istati Uniti qiegħda tkun involuta fi gwerra oħra “miftuħa”.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran Seyed Abbas Araghchi kkundanna l-attakki tal-Istati Uniti u sejħilhom bħala “xokkanti”. Huwa qal li l-Iran qed jirriserva l-“għażliet kollha biex jiddefendi s-sovranità tiegħu.”
“L-avvenimenti tal-Ħadd filgħodu huma xokkanti u se jkollhom konsegwenzi dejjiema. Kull membru tal-Nazzjonijiet Uniti għandu jkun allarmat dwar din l-imġiba estremament perikoluża,” qal Araghchi f’kitba fuq il-pjattaforma X.
Huwa żied jgħid li l-Istati Uniti “wettqet ksur gravi” taċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.