Id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti sostna li għandu “rapporti kredibbli” li l-Ħamas qed jippjana attakk “immedjat” fuq in-nies ċivili f’Gaża, li jfisser li se jkun qed jikser il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied.
Fi stqarrija maħruġa s-Sibt li għadda, intqal li attakk ppjanat kontra l-Palestinjani jkun “ksur dirett u serju” tal-ftehim ta’’waqfien mill-ġlied u “jhedded il-progress sinifikanti miksub permezz tal-isforzi ta’ medjazzjoni”.
Id-Dipartiment ma ta l-ebda dettall ieħor dwar l-attakk u ma speċifikax dwar liema rapporti kien qed jagħmel referenza għalihom.
L-ewwel fażi tal-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn il-Ħamas u l-Iżrael għadha għaddejja, bl-ostaġġi kollha li kienu għadhom ħajjin ġew rilaxxati filwaqt li qed jiġu rritornati l-katavri ta’ dawk mejtin lejn Iżrael. Bħala parti minn dan il-ftehim, l-Iżrael irrilaxxa madwar 2,000 priġunier Palestinjan.