Thursday, August 7, 2025

L-Istati Uniti tikkanċella $500 miljun fl-iżvilupp ta’ vaċċin tal-mRNA 

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Id-Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Umani tal-Istati Uniti (HHS) qed jippjana li jikkanċella $500 miljun f’finanzjament għal vaċċini tal-mRNA li qed jiġu żviluppati biex jiġġieldu viruses bħal dawk tal-influwenza u l-Covid-19. Din il-mossa se tħalli impatt fuq 22 proġett immexxija minn kumpaniji farmaċewtiċi ewlenin għal vaċċini kontra l-influwenza tat-tjur u viruses oħra. 

Is-Segretarju tas-Saħħa tal-Istati Uniti Robert F Kennedy Jr, li ilu xettiku dwar il-vaċċini, ħabbar li kien qed jirtira l-finanzjament wara allegazzjonijiet li t-teknoloġija tal-mRNA toħloq aktar riskji milli benefiċċji għal dawn il-viruses respiratorji.

It-tobba u l-esperti tas-saħħa kkritikaw il-mistoqsijiet li ilu jqajjem Kennedy dwar is-sigurtà u l-effikaċja tal-vaċċini u l-fehmiet tiegħu dwar il-politiki tas-saħħa.

L-iżvilupp ta’ vaċċini tal-mRNA li jimmiraw il-Covid-19 kien kruċjali u għen inaqqas ir-ritmu tal-pandemija u jsalva miljuni ta’ ħajjiet, qal Peter Lurie, eks uffiċjal tal-Amministrazzjoni tal-Ikel u d-Droga tal-Istati Uniti. Huwa stqarr li l-Istati Uniti qed tagħti daharha lil waħda mill-aktar għodod promettenti biex tiġġieled il-pandemija li jmiss.

Fi stqarrija, Kennedy qal li t-tim tiegħu irreveda x-xjenza, sema’ lill-esperti, u aġixxa. Żied jgħid li d-dejta turi li dawn il-vaċċini ma jipproteġux b’mod effettiv kontra infezzjonijiet respiratorji bħall-COVID u l-influwenza.

Kennedy sostna wkoll li l-vaċċini tal-mRNA għandhom potenzjal li jinkoraġġixxu mutazzjonijiet ġodda u jistgħu fil-fatt itawlu l-pandemiji hekk kif il-virus jimmultiplika kontinwament biex jevita l-effetti protettivi tal-vaċċin.

Min-naħa tagħhom, esperti tas-saħħa jsostnu li l-viruses jimmultplikaw irrispettivament minn jekk jeżistux vaċċini għalihom.

Dr Paul Offit, id-direttur taċ-Ċntru tal-Edukazzjoni dwar il-Vaċċini fl-Isptar tat-Tfal ta’ Philadelphia, innota li l-virus tal-influwenza jinqasam u jimmultiplika kull sena irrispettivament minn jekk in-nies jiġux imlaqqma jew le. 

Huwa sostna li l-vaċċini tal-mRNA huma sikuri b’mod notevoli u huma essenzjali biex jgħinu fil-prevenzjoni kontra infezzjonijiet severi minn viruses bħall-Covid-19.

Filwaqt li xi vaċċini jużaw virus inattivat biex iqanqlu rispons immuni, il-vaċċini tal-mRNA jaħdmu billi jgħallmu liċ-ċelloli kif jagħmlu proteini li jqanqlu rispons immuni. Il-vaċċini tal-mRNA ta’ Moderna u Pfizer ġew ittestjati f’eluf ta’ nies qabel ma bdew jingħataw u nstabu li huma sikuri u effettivi.

Dr Offit, li vvinta l-vaċċin tar-rotavirus, qal li l-kanċellazzjoni tal-finanzjament tista’ tpoġġi lill-Istati Uniti f’pożizzjoni aktar perikoluża biex tirrispondi għal kwalunkwe pandemija potenzjali fil-futur. 

Minn meta ingħata l-kariga, Kennedy ħa numru ta’ passi biex jittrasforma l-mod kif id-dipartiment tas-saħħa Amerikan jiżviluppa u jirregola l-vaċċini.

F’Ġnju, huwa keċċa lill-memri kollha ta’ kumitat li joħroġ rakkomandazzjonijiet uffiċjali tal-gvern dwar it-tilqim u ssostitwihom b’xi nies li kkritikaw is-sigurtà u l-effiċjenza tal-vaċċini.

Huwa neħħa wkoll il-vaċċin tal-Covid-19 mill-iskeda ta’ immunizzazzjoni rakkomandata taċ-Ċntru għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard għal tfal b’saħħithom u nisa tqal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport