L-Istati Uniti tal-Amerika approvat pakkatt ta’ kawżi $2.7 biljun f’għajnuna ġdida lill-Ukrajna u l-alleati tagħha, fosthom $675 miljun f’armi biex l-Kiev tkun tista’ tkompli tikkumbatti l-qilla tar-Russja.
Is-Segretarju tad-Difiża Lloyd Austin ħabbar dan il-pakkett t’għajnuna waqt laqgħa li kellu ma’ ministri fil-bażi Amerikana ta’ Ramstein ġewwa l-Ġermanja. Fost affarijiet oħrajn, din l-għajnuna se tinkludi howitzers, munizzjon, vetturi Humvee, ambulanzi armati u sistemi militari ta’ kontra t-tankijiet tal-gwerra. S’issa l-Istati Uniti kienet diġà pprovdiet b’madwar $13-il biljun f’għajnuna militari lill-Ukrajna. L-Istati Uniti ddeskriviet l-aħħar għajnuna bħala investiment fis-sigurtà tal-Ukrajna u 18-il pajjiż ġar – fosthom membri tan-NATO – kontra aggressjoni futura Russa.
Fl-aħħar sigħat, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken wasal fil-kapitali Ukrena Kiev fejn qal li l-għajnuna se tkun qiegħda tingħata f’mument “kruċjali” ta’ din il-gwerra, fejn l-operazzjonijiet Ukreni kontra l-forzi Russi “qed ikunu effettivi”.
Huwa wiegħed li l-Istati Uniti u l-alleati se jkomplu “jagħmlu pressjoni sakemm l-aggressjoni tieqaf u l-Ukrajna terġa’ tkun pajjiż sovran u indipendenti.”