Saturday, December 21, 2024

L-Istati Uniti ttemm gwerer “antiki” biex tikkonċentra fuq ir-Russja u ċ-Ċina

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Istati Uniti ħabbar li fix-xhur se jkomplu joħorġu lis-suldati Amerikani mill-Afganistan bil-għan li jkun jista’ jikkonċentra aktar fuq theddid possibbli miċ-Ċina u r-Russja. Il-President Amerikan Joe Biden tkellem dwar din id-deċiżjoni fil-White House fi tmiem il-ġimgħa fejn sostna li ġlied ma’ gruppi terroristiċi bħal Al-Qaeda u Daesh qegħdin jaħlu r-riżorsi militari Amerikani minn mindu seħħu l-attakki tal-11 ta’ Settembru, 2001.

Biden, li huwa l-President Amerikan il-ġdid wara Donald Trump, wiegħed li se jwaqqaf il-ġlied kontra t-terroriżmu fl-Afganistan fejn iddeskrivih bħala “ħela” u “taħwid”. Il-kunflitti f’dan il-pajjiż u fl-Iraq wasslu biex jintbagħtu ħafna truppi f’art bla mexxejja mimlija vjolenza. Barra minnhekk l-Amerika tammetti li ma rnexxielhiex tegħleb l-għadu b’mod definittiv.

Sal-2020 Trump neħħa xkiel burokratiku u beda l-proċess biex jinġiebu lura f’pajjiżhom l-eluf ta’ suldati stazzjonati fi gwerer kontra t-terroriżmu. Huwa kien ħalla total ta’ 2,500 suldati f’kull pajjiż sal-ġurnata li serva bħala President tal-Istati Uniti. Biden qabel mal-opinjoni ta’ Trump u għaldaqstant ħabbar li sal-31 ta’ Awissu li ġej, l-involviment tal-qawwa militari Amerikana fl-Afganistan se jintemm.

“Se nwaqqfu l-itwal gwerra Amerikana. L-Istati Uniti ma jistax jibqa’ b’politika ta’ 20 sena ilu,” spjega Biden. Huwa qal li l-attakki tan-9/11 tefgħu l-attenzjoni kollha tas-sigurtà nazzjonali Amerikana fuq il-Gwerra Kontra t-Terroriżmu. L-Istati Uniti u l-Gnus Magħquda nvadew l-Afganistan biex iniżżlu l-Gvern Taliban li kien qiegħed jipproteġi lil Al-Qaeda.

F’dak iż-żmien il-President George W. Bush ħa l-okkażjoni biex jinvadi l-Iraq u jneħħi lil Saddam Hussein mill-poter bit-tama li jagħti żvolta ġdida lil-Lvant Nofsani u jnaqqas it-theddid mal-konfini.

L-attakki tal-bidu kienu fil-maġġorparti tagħhom suċċess fejn Al-Qaeda tkissret u Saddam Hussein inqabad. Fiż-żewġ każijiet l-Istati Uniti baqgħet fit-territorji biex tipprova tgħin lill-pajjiżi jistabilizzaw ruħhom u ma jibqax ikun hemm riskju ta’ aktar attakki terroristiċi.

Mill-bidu tal-2013 imbagħad il-mexxejja tas-sigurtà Amerikani aċċennaw għall-fatt li l-President Ċiniż Xi Jinping beda jespandi b’mod agressiv il-forzi militari tiegħu. Iċ-Ċina bdiet ħidma biex tkun aktar b’saħħitha mill-Istati Uniti fejn bdiet tibni bażijiet fil-gżejjer fin-Nofsinhar tagħha, għamlet bażi oħa f’Djibouti u ppjanat bażijiet fl-Asja u l-Lvant Nofsani.

Sadanittant, fl-2014, il-President Russu Vladimir Putin, bagħat il-forzi tiegħu fl-Ukranja u appoġġja l-attakki wkoll. Sentejn wara Moska għamlet kampanja biex tinfluwenza l-elezzjonijiet elettorali tal-Istati Uniti. Fl-istess perjodu, il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong Un, beda proġett ambizzjuż biex jiżviluppa armi nukleari u missili li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-Istati Uniti. L-istrateġija nazzonali tas-sigurtà interna ta’ Trump ikkonfermat dan fejn ingħad li, “iċ-Ċina u r-Russja huma ta’ sfida għall-qawwa Amerikana. Dawn jinfluwenzaw u jheddu l-interessi f’tentattiv kontra s-sigurtà u l-prosperità fl-Istati Uniti”.

Ir-rapport jgħid ukoll li dawn il-pajjiżi huma determinati li jagħmlu l-ekonomiji inqas ġusti u liberi, li jsaħħu l-militar tagħhom, kif ukoll jikkontrollaw l-informazzjoni u d-data biex jopressaw lis-soċjetajiet u jkomplu jinfluwenzaw lil ħaddieħor.

Huwa proprju għalhekk li l-Istati Uniti be ħsiebha tespandi l-qawwa navali tagħha, tibni armi u sottomarini ġodda, kif ukoll taġġorna l-armi nukleari tagħha. Ifisser ukoll li se tikkonsidra liċ-Ċina u lir-Russja bħala l-pajjiżi li għandha tikkonċentra fuqhom u dan kemm min-naħa tal-Pentagon, kif ukoll fil-ġirja kompettiva tal-ispazju u s-settur ċibernetiku. 

Għaldaqstant, minlok l-Afghanistan, l-Iraq u s-Sirja, l-attenzjoni tal-Amerikani issa se taqa’ fuq l-Ukranja u Tajwan. 

Ekonomija

Sport