Sunday, November 24, 2024

L-Istati Uniti twissi liċ-ċittadini tagħha biex jevitaw li jimxu waħedhom f’Dublin

Aqra wkoll

L-Ambaxxata Amerikana f’Dublin ħarġet twissija għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħha li jinsabu fir-Repubblika tal-Irlanda.

Din tinkoraġġixxi liċ-ċittadini biex ikunu konxji ta’ dak li qed iseħħ madwarhom meta jivvjaġġaw f’postijiet mhux familjari jew iffullati u anke f’toroq vojta.

It-twissija tħeġġeġ ukoll lin-nies biex jevitaw li jimxu waħedhom, jekk possibbli, speċjalment billejl.
Dan qed iseħħ wara li raġel ta’ 57 sena minn New York il-ġimgħa li għaddiet safa aggredit f’Dublin u bħalissa jinsab fit-taqsima tal-kura intensiva.

It-twissija tgħid: “Wara numru ta’ inċidenti riċenti rrappurtati fil-midja Irlandiża, l-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Dublin tfakkar liċ-ċittadini tal-Istati Uniti biex jeżerċitaw prattiki tajba ta’ sigurtà personali waqt li jivvjaġġaw.”

Tkompli billi tagħti parir lill-vjaġġaturi biex joqogħdu attenti għall-ħallelin u pickpockets, biex jillimitaw l-użu tal-headphones u l-mowbajls fil-pubbliku, biex ikunu konxji tal-konsum tal-alkoħol u biex iżommu profil baxx.

Huwa mifhum li t-turist Amerikan Stephen Termini, minn Buffalo, safa’ msawwat minn grupp ta’ żgħażagħ f’Store Street ġewwa Dublin nhar id-19 ta’ Lulju.

Ġuvni kien tressaq akkużat b’rabta mal-aggressjoni u deher quddiem il-Qorti tat-Tfal. Huwa ngħata l-libertà proviżorja u l-każ tiegħu se jibda jinstema’ l-Ħamis.

Sadanittant, diversi persuni oħra sfaw attakkati f’Dublin matul din il-ġimgħa. Mara kellha tiddaħħal l-isptar wara li nhar it-Tnejn ġiet aggredita fl-inħawi ta’ Temple Bar filwaqt li raġel ittieħed ukoll l-isptar wara li t-Tlieta ġarrab ġrieħi serji meta safa misruq f’Jervis Street.

Sport