Maltempata qawwija ta’ borra u kesħa tinsab mixja lejn l-Istati Uniti u partijiet mill-Kanada, u konsegwenza tagħha t-temperaturi se jinżlu f’livelli rekord.
Minħabba dan il-maltemp kollu mijiet kbar ta’ titjiriet se jkunu qegħdin jiġu kkanċellati jew inkella jitilqu tard u dan meta l-ajruporti f’dan iż-żmien tas-sena jaraw żieda qawwija fil-passiġġieri.
L-awtoritajiet Amerikani ħarġu twissija lil aktar minn 100 miljun persuna biex kemm jista’ jkun jibqgħu fi djarhom dan it-tmiem il-ġimgħa li ġej (fil-Milied) minħabba livelli għoljin ta’ borra li se tinżel.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Temp qed ibassar li t-temperatura tista’ tinżel sa anke 45 grad taħt iż-żero u dan ifisser li jista’ jkun l-aktar Milied kiesaħ f’għexieren ta’ snin.
L-Awtoritajiet tal-istat ta’ Florida qegħdin ibassru li dan il-Milied se jkun l-aktar kiesaħ f’dawn l-aħħar 30 sena.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Temp qed ibassar li dak li se jiġri fil-ġranet li ġejjin jiġri “darba kull ġenerazzjoni”.