Saturday, September 14, 2024

L-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel isaħħu t-taħriġ fid-dawl tal-attività tal-Korea ta’ Fuq

Aqra wkoll

Il-forzi tal-Istati Uniti li huma stazzjonati fil-Korea t’Isfel żiedu l-intensità tat-taħriġ militari tagħhom speċjalment fuq id-difiża kontra l-missili – indikazzjoni li l-Korea ta’ Fuq wisq probabbli se tkun qiegħda tagħmel test ieħor fuq missili ta’ distanza twila. 

It-tensjoni fil-peniżola Koreana kompliet teskala hekk kif kibret l-ispekulazzjoni li matul din il-ġimgħa l-Korea ta’ Fuq se tkun qiegħda twettaq test fuq l-ikbar missila ballistika interkontinentali (ICBM) li għandha. 

Fid-dawl ta’ dan, il-U.S. Forces Korea (USFK) qalu li s-sistema ta’ difiża tal-ajru li tinsab stazzjonata fil-bażi Osan, riċentament żiedet l-intensità tat-taħriġ u dan biex turi l-kapaċitajiet tagħha fid-dawl tat-testijiet fuq il-missili li l-Korea ta’ Fuq qiegħda twettaq. USFK qalet li, “DPRK żiedet b’mod sinjifikanti l-attivitajiet tal-missili u dan qiegħed jimmina l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun Ażjatiku.”

USFK żiedet tgħid li filwaqt li dan huwa taħriġ ta’ rutina, iż-żieda fl-intensità huwa turija tas-serjetà li qiegħda tintwera fil-konfront tat-testijiet u l-imġiba tal-Korea ta’ Fuq. Kelliemi għall-Ministeru tad-Difiża tal-Korea t’Isfel qal li pajjiżu qiegħed josserva mill-qrib il-movimenti tal-Korea ta’ Fuq u flimkien mal-militar tal-Istati Uniti qiegħed jara li jkun ippreparat għal kull eventwalità.

Ekonomija

Sport