Ftit jiem biss wara ż-żjara tal-Ispeaker tal-Kamra tal-Istati Uniti ġewwa t-Tajwan, issa tħabbar li ż-żewġ pajjiżi se jkunu qed jibdew negozjati formali dwar il-kummerċ.
Stqarrija uffiċjali maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummerċ tal-Istati Uniti kienet tgħid li l-ewwel diskussjonijiet se jkunu qegħdin jibdew fil-bidu tal-ħarifa. Hu mifhum li dawn id-diskussjonijiet se jkunu jinkludu kummerċ diġitali, tnaqqis ta’ burokrazija kif ukoll titjib fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Wara ż-żjara tal-Ispeaker Nancy Pelosi ġewwa t-Tajwan, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina ħadu daqqa ta’ ħarta u dan hekk kif iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala parti minnha. Infatti ċ-Ċina kkritikat bil-qawwa l-aħbar ta’ dawn id-diskussjonijiet u qalet li dan imur kontra s-sovranità tagħha.
Fis-sena 2020, il-kummerċ bejn l-Istati Uniti u t-Tajwan laħħaq il-$106 biljun, u dan issa mistenni li jiġi mtejjeb. Dan kollu qiegħed isir hekk kif fl-aħħar sigħat iċ-Ċina kompliet għaddejja bit-taħriġ militari qrib ħafna tat-Tajwan.
Taħt il-politika ta’ “Ċina waħda”, l-Istati Uniti tirrikonoxxi u għandha rabtiet formali biss maċ-Ċina u mhux mat-Tajwan, iżda minkejja dan hija xorta waħda għandha rabtiet mill-qrib ħafna ma’ din il-gżira fejn saħansitra tbigħilha l-armi biex tkun tista’ tiddefendi lilha nnifisha.