Id-Direzzjoni tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ għadha kemm ippubblikat il-ħarġa ta’ Diċembru tal-gazzetta Furjaniża. Din hi r-raba’ u l-aħħar ħarġa għal din is-sena (2025). F’din il-ħarġa l-abbonati u l-qarrejja in ġenerali se jsibu fost l-oħrajn erba’ kitbiet ewlenin, apparti r-rubriki li soltu jkunu inklużi f’kull ħarġa.
Waħda minn dawn il-kitbiet, li hi akkumpanjata minn ritratti tal-ġrajja li tirrakkonta u tal-protagonisti tagħha, hi dwar is-70 anniversarju (1956-2026) minn meta l-istatwa ta’ Kristu Re ttellgħet fuq l-hekk imsejjaħ frontispizju tal-Knisja Arċipretali u Parrokkjali ta’ San Publju fil-Furjana.
Il-frontispizju hu dak it-triangolu tal-ġebel li hemm fuq il-portiku tat-tempju li jagħti għal fuq waħda mill-pjazez ewlenin f’pajjiżna, dik ta’ quddiem il-Knisja Arċipretali u Parrokkjali ta’ San Publju fil-Furjana.
Fl-artiklu hemm rakkontata l-istorja ta’ kif din l-istatwa tal-konkrit, li kienet tiżen madwar sitt tunnellati, ittellgħet fuq il-knisja ta’ San Publju mingħajr ma kien intuża krejn.
Din l-istatwa, li kienet saret mill-artista Ħamruniż John Spiteri Sacco u l-kumpannija tiegħu, tlestiet lejn l-aħħar tal-1955. Iżda ttellgħet biss fi Frar tas-sena ta’ wara (1956) għax kien hemm problemi dwar kif se tittella’ f’dak l-għoli.
Fl-aħħar, l-Arċipriet tal-Furjana ta’ dak iż-żmien, Dun Anton Debono, wara ħafna taħbit laħaq ftehim ma’ Ġużeppi Sammut, li kellu esperjenza kbira fil-qasam tal-kostruzzjoni tal-knejjes. U bl-għajnuna t’Alla u ta’ San Publju, dak il-vojt li kien ilu hemm fin-nofs ta’ fuq tal-knisja għall-14-il sena ta’ qabel, imtela’.
Vojt li kien inħoloq wara l-attakk mill-ajruplani militari Ġermaniżi fuq il-knisja tal-Furjana tat-28 t’April tal-1942 waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Attakk li fih inqerdet l-istatwa (li kienet allegorija tal-virtú tal-Fidi) li kienet ilha tiddomina l-faċċata tal-knisja Furjaniża għal 51 sena sħaħ. Fil-fatt kienet ilha hemm mis-7 ta’ Novembru tal-1891.
Kitba oħra interessanti fil-ħarġa ta’ Diċembru tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’, hi t-tieni parti tal-feature speċjali dwar Triq Ġilormu Cassar fil-Furjana. Triq li fost il-Furjaniżi għadha magħrufa bħala ‘t-Triq il-Ġdida’ u li oriġinarjament kienet issejħet Vjal id-Duka ta’ York.
L-ewwel parti ta’ dan il-feature, li barra l-kitba jinkludi wkoll diversi ritratti tal-epoka meta nbniet din it-triq, kienet ippubblikata fil-ħarġa ta’ Settembru li għadda. Ħafna mir-ritratti għal darb’oħra ‘ngħataw il-kulur’ skont l-aħħar teknoloġija fil-qasam tal-istampar.
Ir-reazzjoni tal-abbonati u tal-qarrejja għall-ewwel parti ta’ dan il-feature u għall-mod kif ir-ritratti ngħataw ħajja ġdida permezz tal-kulur, kienet waħda nkoraġġanti ħafna u wasslet lid-Direzzjoni tal-gazzetta biex tirrepeti l-esperiment.
Ktieb Finalista
It-tielet kitba ewlenija f’din l-aktar ħarġa reċenti tal-gazzetta Furjaniża, hi dwar ir-rikonoxximent miksub fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 mill-aħħar ktieb ippubblikat mill-Amministrazzjoni ta’ ‘IL-FURJANA’.
Fil-fatt dan il-ktieb – ‘Floriana & il-Furjaniżi, A Tri-Centenary Commemoration’ – spiċċa bħala wieħed minn erba’ finalisti fil-kategorija tar-Riċerka Storjografika.
Dan is-suċċess miksub fid-debutt tat-taqsima ‘IL-FURJANA Publications’ jirrikonoxxi l-ħidma kbira li twettqet biex dan il-proġett irnexxa f’kull sens. Kien l-aqwa rigal li l-Furjana setgħet tingħata f’għeluq it-300 sena (1724-2024) mill-eżistenza tagħha.
Suċċess dovut primarjament għaż-żewġ edituri tal-ktieb, il-Furjaniża Dr Joan Abela u Giulia Privitelli. Magħhom ħadem it-tim tal-gazzetta biex sar prodott mill-aqwa.
Il-Furjana fi presepju
Iżda ma jistax ikun li l-ħarġa ta’ Diċembru ma jkollix xi ħaġa marbuta mal-festa tal-Milied, apparti naturalment l-awguri tradizzjonali tal-Editur u d-Direzzjoni tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ lill-abbonati, l-qarrejja u l-Furjaniżi kollha jinsabu fejn jinsabu.
Fil-fatt din il-ħarġa tinkludi artiklu qasir akkumpanjat minn diversi ritratti dwar presepju partikolari li se jkun hemm għall-wiri f’dawn il-ġimgħat tal-aħħar ta’ din is-sena (2025) u l-bidu ta’ sena ġdida (2026) fil-Knisja Arċipretali u Parrokkjali ta’ San Publju fil-Furjana.
Fl-aħħar snin f’din il-knisja kien qed jintrama’ presepju mibni mis-soċju tal-MUSEUM Pawlu Piscopo, li miet xi xhur ilu. Din is-sena minbarra dan il-presepju, se jkun hemm għall-wiri presepju ieħor mibni minn soċju ieħor tal-istess għaqda tad-duttrina Nisranija, Joe Camilleri.
F’dan il-presepju, apparti l-grotta li fiha twieled il-Bambin, hemm inkorporati fih ukoll minjaturi ta’ partijiet ewlenin mill-belt tal-Furjana, bħall-faċċati tal-Knisja ta’ San Publju, tal-Knisja ta’ Sarria, tal-Iskola Primarja, tal-Qasam tal-MUSEUM, u parti minn Bieb il-Bombi.
Intant il-ħarġa ta’ Diċembru fiha wkoll il-Paġna tal-Kunsill Lokali Floriana u ġabra ta’ tagħrif dwar il-ħajja fil-Furjana u xi Furjaniżi li kienu fl-aħbarijiet.
Min jixtieq jakkwista kopja tal-ħarġa ta’ Diċembru tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494, jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] jew [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.
L-istess dettalji jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jabbona fil-gazzetta għal ħames ewro biss fis-sena, inkella jixtieq jakkwista xi kopja ta’ xi ħarġiet imgħoddija tal-gazzetta.
Bl-istess mod wieħed ukoll jista’ jakkwista kopja tal-ktieb dwar il-Furjana, bit-titlu ‘Floriana & il-Furjaniżi – A Tri-Centenary Commemoration’.
ld-Direzzjoni tal-gazzetta tixtieq ukoll tinforma li għad fadlilha wkoll għall-bejgħ numru żgħir ta’ kopji tal-kotba li ppubblikat fis-snin li għaddew dwar il-Knisja ta’ San Publju u dwar l-Ark Trijonfali ta’ San Publju li kien inqered bin-nar xi snin ilu. Min jixtieq jakkwista kopja jista’ jagħmel kuntatt bil-mod imsemmi hawn fuq.


