Wednesday, December 25, 2024

L-Istatwa ta’ San Gejtanu tasal Salerno… tibda tinsaq lejn Ruma

Aqra wkoll

Dalgħodu l-istatwa ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun waslet fil-belt ta’ Salerno fl-Italja. Eżatt wara bdiet tinsaq lejn Ruma fejn għandha tasal fis-sigħat li ġejjin.

Il-Ħadd filgħaxija wara ġimgħa ta’ ħidma mill-Grupp tar-Reffiegħa ta’ San Gejtanu, beda l-vjaġġ biex l-istatwa artistika ta’ San Gejtanu xogħol Karlu Darmanin, tgħabbiet fuq container u tibda t-triq tagħha lejn Ruma li ser twassal għal jum tant mistenni mill-Ħamruniżi dak tal-14 ta’ Settembru fejn din l-istatwa ssib postha u tidħol pellegrinaġġ fil-Arċibażilika Maġġuri ta’ San Pietru fil-Vatikan fejn mistenni jkun preżenti wkoll il-Papa Franġisku. Vjaġġ li ser ikun qed inaqqax paġna oħra fl-istorja tal-paroċċa Ħamruniża imma wkoll għal pajjiżna hekk din ser tkun l-ewwel darba li Statwa Maltija dieħla fil-Vatikan.

Il-Vara ta’ San Gejtanu mistennija tasal fil-Bażilika Minuri ta’ Sant Andrea della Valle f’Ruma nhar l-Erbgħa 28ta’ Awwissu, fejn grupp ta’ 21 Ħamruniż l-Erbgħa kmieni filgħodu, ser ikunu qed jingħaqdu Ruma biex jippreperaw il-vara għal filgħaxija fejn ser ikun qed isir programm li jgħati bidu għal xahar ta’ avvenimenti marbuta ma’ dan l-anniversarju.

Din is-sena qed jiġi ċċelebrat il-500 sena anniversarju minn meta San Gejtanu kien waqqaf l-ordni tal-kleriċi regolari tat-Teatini. Għalhekk għal dan l-anniversarju, l-Ordni tat-Tetatini anke wara numru ta’ kuntatti li ilhom għaddejin xhur sħaħ mal-ambaxxattur Malti għal Vatikan l-E.T Frank Zammit, għamlu l-istedina biex jilqgħu f’Ruma għal xahar sħiħ il-vara titulari Ħamruniża. F’Ruma l-patrijiet Teatini jieħdu ħsieb is-servizz liturġiku kollu tal-Bażilika Minuri ta’ San Andrea Della Valle; servizz li ilhom iwettqu sa mil-pontifikat tal-Papa Klement VII.

Il-vara ta’ San Gejtanu b’kollox se ddum xahar sħiħ f’Ruma, Settembru kollu u tkun lura Malta fil-bidu ta’ Ottubru fejn biex jgħalaq dan l-anniverssarju, se jsir pellegrinaġġ ta’ radd il-ħajr mill-knisja Franġiskana tal-Ħamrun sad-dar Maltija ta’ San Gejtanu l-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi fil-Ħamrun. Għal din il-festa li qed tfakkar il-fondazzjoni ta’ din l-ordni, Teatini mid-dinja kollha ser ikunu qed jinġabru f’Ruma sabiex jipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjonijiet kbar li se jsiru. Għalhekk, huwa sinifikanti u ta’preġju li preżenti f’Ruma jkun hemm ukoll il-vara tant għażiża ta’ San Gejtanu.

Għall-Ħamruniżi, din is-sena ser tkun waħda speċjali fejn ser timmarka jum storiku ieħor importanti minn kullana ta’ anniversarji li qed ikunu ċċelebrati, marbuta mal-wirt kbir, li ħalla l-qaddis tal-providenza San Gejtanu.

Ekonomija

Sport