Fuq rakkomandazzjoni konġunta taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), l-Awtoritajiet għas-Saħħa se jestendu l-istedina għat-tieni booster tal-COVID-19 lill-persuni li għandhom ’il fuq minn 60 sena.
Il-Parir tal-ECDC jinnota l-varjanti preżenti tal-COVID-19, u ż-żieda fil-każijiet madwar id-dinja, u għaldaqstant ingħata l-parir li jkun għaqli li jingħata t-tieni booster lil persuni immunosopressi u dawk ta’ ’l fuq minn 60 sena, speċjalment meta dawn ikunu tlaqqmu iżjed minn 4 xhur ilu. L-istess parir jisħaq li filwaqt li ġew osservati benefiċċji ċari li dawn il-gruppi jirċievu t-tieni booster, għad m’hemmx il-bżonn li persuni iżgħar fl-età jirrikorru għaliha. Il-parir sħiħ jinsab hawn: https://www.ecdc.europa.eu/en/news-events/updated-ecdc-ema-statement-additional-booster-doses-covid-19-vaccines.
L-Awtoritajiet għas-Saħħa jappellaw sabiex min jirċievi l-istedina għat-tieni booster, li se jintbagħtu bil-posta, jattendi fil-ġurnata u post indikati. F’każijiet ta’ problemi, wieħed għandu jċempel 145.
Fuq direzzjoni f’livell ta’ Unjoni Ewropea, mill-25 ta’ Lulju 2022 passiġġieri li mhumiex fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin jew ċertifikat tal-irkupru, mhumiex se jkunu mitluba jippreżentaw PCR jew rapid test negattiv qabel jidħlu f’pajjiżna.