Wednesday, December 25, 2024

L-Istennija għall-Budget

Jikteb Stefan Zrinzo Azzopardi – Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Ninsabu ftit jiem biss qabel il-budget għas-sena d-dieħla. It-tħejjijiet għal Jum il-Budget ikunu ilhom li nbdew mill-Ministeri kollha sa minn qabel is-Sajf. It-tħejjija għall-budget tinvolvi li kull ministeru jevalwa l-miri li jkun laħaq fit-twettieq ta’ miżuri li jkunu tħabbru fil-budgets ta’ qabel u jelenka x’se tkun il-ħidma tiegħu fis-sena li ġejja, dejjem fid-dawl tal-qagħda finanzjarja tal-pajjiż u tar-riżorsi li l-Ministeru tal-Finanzi jkun se jgħaddi lil kull ministeru ieħor biex jintefqu fil-miżuri u proġetti mfassla.

Ma rridux immorru ħafna snin lura għax ħafna kienu jistkerrħu s-siegħa u l-mument li jkun qed joqrob budget. Konna mdorrijin taħt amministrazzjonijiet preċedenti nistennew żidiet fit-taxxi mżewqa ma’ miżuri ta’ awsterita li ħafna drabi rriżultaw fi staġnar ekonomiku.

Bil-bidla fid-direzzjoni ekonomika tal-pajjiż mill-2013 ‘l hawn, rajna qabża fil-kwalita tal-ħajja u fil-prosperita tal-pajjiż, permezz ta’ tkabbir ekonomiku li kien jiżboq kull ekonomija oħra fl-Ewropa. Dan wassal biex bil-maqlub ta’ dak li kien jiġri qabel, il-budget tal-Gvern Laburista sar eżerċizzju li permezz tiegħu, sena wara sena, komplew jiġu mgħejjuna il-faxex l-aktar vulnerabbli tas-soċjeta filwaqt li permezz ta’ diversi miżuri baqgħu jiġu mgħejjuna anke dawk meqjusa fil-faxxa tal-middle class li bla dubju tinkorpora l-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni tagħna.

Qed nirreferi hawnhekk għal miżuri bħal dawk taċ-childcare b’xejn għal kulħadd, it-trasport pubbliku b’xejn, l-għajnuniet tal-inwork benefit, iż-żidiet qawwija fiċ-childrens allowance u bosta miżuri oħrajn. Ma dawn imbagħad wieħed irid iżid is-sussidju qawwi tal-Gvern fuq il-prezzijiet tal-enerġija u fuq il-prezz tal-qmuħ u ċ-ċereali li kollha għenu biex żammew taħt kontroll l-għoli tal-ħajja u b’hekk gawda kulħadd.

Gvern li ma jemminx fl-awsterita, bħalma huwa l-Gvern Laburista, jara kif jagħmel biex lill-poplu jkomplu jinċentivah. Bħalma stqarr dan l-aħħar il-Prim Ministru Robert Abela, il-Gvern irid ikompli jippremja l-bżulija għax jemmen li din hija ċ-ċavetta biex ir-rota ekonomika tkompli ddur bis-saħħa u b’hekk tikber l-ekonomija u l-pajjiż ikollu r-riżorsi meħtieġa biex ikompli jkun ta’ sostenn għall-poplu kollu. F’dan il-kuntest diġa smajna lill-Prim Ministru jiddikjara li l-budget li se ġej se jkollu inċentivi ta’ tnaqqis fit-taxxi għall-middle class.

Fl-istess waqt, mid-diskors tal-budget tal-Ministru tal-Finanzi ħafna jkunu qed jistennew biex jaraw x’se tkun id-direzzjoni ekonomika li jkun qed jieħu l-pajjiż u anke jekk kemm-il darba ikunx se jkun hemm xi tibdil jew aġġustament f’din id-direzzjoni. Issa ilna żmien nisimgħu dwar il-ħtieġa ta’ qabża fil-kwalità li jeħtieġ li sseħħ f’diversi aspetti tal-ekonomija fejn jista’ jkun li mhux bil-forsi nibqgħu niġru wara n-numri ta’ impjiegi li jinħolqu imma li naraw li t-tip ta’ investiment li niġbdu lejn pajjiżna jkun tali li joħloq impjiegi ta’ kwalità ogħla li jħallu fl-ekonomija tal-pajjiż aktar valur miżjud tas-servizzi jew il-prodotti li jipprovdu.

Id-diskors tal-budget ukoll jagħti direzzjoni fuq dak li huwa l-infieq kapitali li jkun se jagħmel il-pajjiż matul is-sena li tkun ġejja. Dan qed ikun infieq li jirrigwarda l-infrastruttura tal-pajjiż, it-tkomplija ta’ diversi proġetti fit-toroq tagħna, il-ħolqien ta’ spazji miftuħa għall-kommunitajiet tagħna, it-tisħiħ tal-infrastruttura tal-provista tal-elettriku, l-investimenti fit-tkabbir tas-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni. Kollha investimenti immirati biex itejjbu l-kwalita tal-ħajja tal-poplu tagħna.

Permezz tad-diskors tal-budget ikollna l-opportunita wkoll naraw f’hiex wasal il-Gvern fit-twettieq ta’ dak kollu li wiegħed fil-Manifest Malta Flimkien li fuqu ngħatajna fiduċja qawwija mill-elettorat fl-elezzjoni tal-2022. Bosta mill-miżuri tal-budget ikunu imsejsa fuq it-twettieq ta’ dawn il-miżuri u hekk kif ninsabu f’nofs din il-leġislatura tkompli tirranka d-determinazzjoni tagħna li naraw li sakemm tintemm il-leġislatura nkunu wettaqna l-parti l-kbira ta’ dan il-Manifest.

Il-Partit Laburista fil-Gvern għandu l-kredibilta tal-poplu fit-twettieq tal-wegħdi elettorali għaliex f’kull okkażjoni li kien fdat bit-tmexxija tal-pajjiż, dejjem żamm kelmtu u wettaq dak li wiegħed. Din id-darba wkoll mhux se nonqsu milli nagħmlu dan u fil-fatt diġa wettaqna miżuri, bħal dik taż-żieda fl-allowances tat-tfal li kellha titwettaq tul il-leġislatura kollha u minflok wettaqniha qabel iż-żmien. Bħala Ministru responsabbli mit-twettieq tal-Programm Elettorali, se nkompli nara, flimkien mal-kollegi l-oħra kollha fil-Kabinett, li dan il-proċess ta’ twettieq tal-miżuri tal-Manifest jibqa’ għaddej b’ritmu qawwi biex meta jasal il-waqt li nerġgħu nitolbu l-fiduċja tal-elettorat, immorru quddiemu b’wiċċna minn quddiem li dak li wegħdna wettaqih.

Ekonomija

Sport