Gvern Laburista biddel il-mod kif in-nies iħarsu il-budget. Sa tnax -il sena ilu, l-istennija għall-budget kienet toħloq sens ta’ toqol u negattività fost in-nies. Taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, minn sena għall-oħra kien jogħlew it-taxxi u jiddaħħlu taxxi ġodda. Il-Ministri tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien kienu jħabbru miżuri iebsin biex jipprovaw jikkontrollaw d-defiċit fil-finanzi tal-pajjiż kif ordnati mill-Kummissjoni Ewropea. Dejjem emmnu fl-awsterità u mhux fit-tkabbir ekonomiku.
Bil-bidla fid-direzzjoni tal-pajjiż wara l-elezzjoni ta’ Marzu tal-2013 kienet waħda sinifikanti li ħalliet impatt fuq dan kollu. Gvern Laburista kien imbarka mill-ewwel fuq programm li kellu jagħti nifs ġdid lill-ekonomija tal-pajjiż. L-ewwelnett, bit-traħħis qawwi fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma li mill-ewwel beda jitfa’ mat-€80 miljun fis-sena fil-bwiet tal-Maltin. Imbagħad b’ħafna miżuri soċjali oħra li taw spinta kbira ‘l quddiem lill-ekonomija. Miżuri biex in-nisa reġgħu bdew deħlin fid-dinja tax-xogħol, iċ-childcare b’xejn, it-tnaqqis ta’ l-ogħla taxxa għal 25% li kienet twegħdet min-Nazzjonalisti u qatt ma wettquha. It-tneħħija tat-taxxa minn fuq il-minimum wage, żidiet qawwija sena wara sena fil-pensjonijiet, fiċ-children’s allowances.
Il-familji Maltin u Għawdxin bdew iħossuhom aħjar, jonfqu aktar u jdawwru r-rota ekonomika b’aktar saħħa. Kellna wkoll investimenti kbar fil-qasam turistiku u f’setturi importanti tal-ekonomija li komplew joħolqu aktar ġid. Beda jkollna tkabbir ekonomiku qawwi li ppermetta lill-Gvern ikompli jqassam il-ġid fost il-poplu Malti. Dan kollu wassal biex il-finanzi tal-pajjiż tpoġġew fuq sisien sodi u meta ġiet id-daqqa l-kbira tal-pandemija, l-ekonomija Maltija kienet tiflaħ għaliha u rnexxielna nsalvaw 100,000 impjieg li setgħu intilfu.
L-għaqal li bih mexxa l-Gvern f’dawn iċ-ċirkustanzi wassal biex it-tkabbir ekonomiku baqa’ għaddej u llum ninsabu f’pożizzjoni li l-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana qed ibassar li s-sena d-dieħla se jkun possibbli li d-defiċit tal-Gvern jerġa jinżel taħt it-3%.
In-nies issa qed iħarsu lejn il-budget bħala l-istrument li bih se jaraw kif se jkompli jitjieb il-livell tal-ħajja tagħhom. Il-pensjonanti jistennew iż-żieda li qed jingħataw kull sena. Il-familji bit-tfal jistennew kif se jkunu qed itejjbu d-dħul tagħhom. Dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, il-ħandikappati, ir-romol, l-anzjani li jgħixu weħidhom fid-djar tagħhom, kollha jistennew kif il-budget se jkompli jtejbilhom il-ħajja tagħhom. Fuq kollox, ħafna familji jkunu wkoll qed jistennew kif se jmorru aħjar minn xi tnaqqis li jista’ jseħħ f’xi taxxi.
Din hija d-differenza bejn il-budget ta’ żmien il-PN u l-budgets ta’ Gvernijiet Laburisti. Budgets ta’ Gvern Laburista, tajbin u mingħajr taxxi, u b’benefiċċji għal kulħadd saru t-timbru ta’ dan il-Gvern. Tajjeb li din id-differenza ma dak li kien isir qabel ma tintnesiex.