Monday, December 23, 2024

L-ISTIGMA LEJN TFAL BL-AWTIŻMU

Aqra wkoll

M’hemm ebda dubju li fl-aħħar snin qamet kuxjenza dwar il-kundizzjoni tal-awtiżmu. Illum hawn ħafna aktar għarfien minn qabel. Hu fatt ukoll li minħabba dan, sitwazzjonijiet problematiċi għal ġenituri ta’ dawn it-tfal naqsu.  Dan ma jfissirx imma li għebu d-diffikultajiet li jiffaċċjaw. Sfortunatament minkejja l-kuxjenza għad hawn ġenituri li jiffaċċjaw problemi sempliċiment għax uliedhom ibatu mill-kundizzjoni tal-awtiżmu.

Każ sempliċi, li wasalna għandna fl-aħħar jiem. Tifel partikolari, li fl-età tiegħu l-istess kif jagħmlu tfal oħra, imur għal attività partikolari. L-omm tiġi infurmata li tista’ ma tibgħatux jekk trid. Tistaqsi u tipprova tindaga u jgħidulha li jarawh ma jsegwix. Ġieli jgħajjat u jista’ jtellef lil sħabu. Tisma’ li kien hemm min ilmenta dwaru. Sitwazzjonijiet li jweġġgħu immens.  Nemmnu li dawn huma sitwazzjonijiet li min imexxi ċertu attivitajiet għandhom joqgħod attent ħafna. Dak it-tifel bl-awtiżmu għandu dritt daqs l-oħrajn li jattendi ċertu attivitajiet. Anki jekk forsi jidher li mhux qed jifhem kollox, jew mhux qed isegwi kollox, hu dritt ta’ dak it-tifel li jattendi ma’ sħabu. X’sens jagħmel li tgħidilhom ħalluh id-dar? Jew agħar, jgħidulhom żommuh id-dar u tiffrankaw triq.

Nemmnu li s-sistema edukattiva tagħna  hi waħda inklussiva u qed isiru inizjattivi biex din dejjem issir aktar inklussiva. Irridu imma nammettu li s-sistema edukativa ta’ pajjiżna ddur madwar l-istampa ta’ student tipiku. Dawk li għandhom bżonnijiet differenti, l-għażliet li għandhom huma ristretti ħafna. Iridu jadattaw biex jippruvaw ilaħħqu mal-oħrajn. 

Tista’ tgħid b’mod kontinwu jaslu ilmenti minn ġenituri ta’ tfal b’awtiżmu dwar kif uliedhom ikunu qed jiġu trattati. Min jilmenta għal ħaġa u min għal oħra. 

Student b’moħħ li jaħdem b’mod differenti. Minħabba dan dawn huma studenti li għandhom bżonn tagħlim differenti biex dawn l-istudenti jieħdu kemm jista’ tagħlim mis-sistema edukattiva. 

Diffikultà oħra li jiffaċċjaw familja ta’ tfal bl-awtiżmu hu  kif se jindirizzaw din il-kundizzjoni.  Ovvjament, m’hemmx metodu wieħed u uniku kif ikun indirizzat l-awtiżmu. Jiddependi mill-każ x’ikun. Nemmnu li l-ġenituri għandhom jingħataw l-opportunità li jesploraw metodi varji li jistgħu jgħinu lil uliedhom.
Nemmnu li għandna nħallu spazju għall-għażliet differenti u flessibilità akbar fil-metodi ta’ kif jingħata trattament tal-awtiżmu. 

Ma tistax titkellem fuq l-awtiżmu u ma ssemmix l-istigma.  M’hawnx ġenituri li ma jilmentaw mill-istigma. M’hawnx familja li għandha tfal bl-awtiżmu li ma jirrakkontawlekx ma’ dak li ġieli esperjenzaw – kif ħaddieħor iħares lejhom jew lejn il-wild bl-awtiżmu. 

“Min ikeċċieħ”.  “Min jibża minnu għax goff”. “Kemm iwerżaq”.  “Dan x’tifel hu tikkoreġieh u ma jagħtix kasek”. Dawn huma kollha kummenti li ntqalu lill-ġenituri li għandhom tfal bl-awtiżmu. Immaġinaw x’weġgħa iħossu. 

Nemmnu li rridu nindirizzaw b’mod qawwi l-istigma kontra l-awtiżmu. 

Nemmnu ukoll li hemm bżonn jiżdied akar l-għarfien dwar din il-kundizzjoni. Nafu li jeżisti appoġġ għal ġenituri, imma naħsbu li dan għandu jissaħħaħ b’mod partikolari f’dak il-perjodu fejn il-familja tkun għadha kif ingħatat id-dijanjosi li l-wild tagħhom għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu.

Nemmnu li l-għarfien għandu jinfirex fost ġenituri oħra fl-iskejjel biex b’hekk tiġi miġġielda l-istigma. Fuq kollox il-poplu inġenerali, għandu jara li ma joħloqx diffikultajiet u weġgħat ġodda għal dawn il-familji.

Ekonomija

Sport