F’laqgħat maż-żgħażagħ waqt Freshers’ Week għal din is-sena akkademika fil-Kulleġġ Ġ.F. Abela, il-Junior College u fl-Università ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-istudenti għandhom ikomplu jistudjaw ħalli jkomplu jimxu ’l quddiem u dan il-Gvern se jkun spalla magħhom biex jilħqu l-ambizzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Il-Prim Ministru qal li l-istipendji qegħdin hemm biex jibqgħu u jgħinu lill-istudenti.

“Aħna l-Gvern li rduppjajna l-istipendji. Qed nagħtu d-doppju bħala stipendju kemm kien jagħti ħaddieħor. Illum ninvestu iktar minn €40 miljun,” spjega l-Prim Ministru Robert Abela li takkumpanjah kien hemm martu Dr Lydia Abela, fejn iltaqgħu ma’ bosta żgħażagħ u tkellmu magħhom fuq diversi temi.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-Gvern irid jibqa’ jagħti l-aqwa għaż-żgħażagħ u l-familji tagħhom tul vjaġġ edukattiv li jmur lil hinn mill-edukazzjoni obbligatorja. F’pajjiżna r-rata ta’ early-school leavers niżlet għal taħt l-10% u pajjiżna jrid ikompli jnaqqas din ir-rata. L-għotja ta’ €500 kull sena għal tliet snin, jiġifieri massimu ta’ €1,500 kompliet tgħin lill-ġenituri u wliedhom li baqgħu jistudjaw. Din is-sena qed jiġu megħjuna b’din l-għotja ftit aktar minn 12,000 ġenitur li jirrappreżentaw kważi 14,000 student b’investiment ta’ €7 miljun favur l-aqwa għal uliedna li qed ikomplu jistudjaw.

F’diskussjonijiet miftuħa maż-żgħażagħ kemm fil-Junior College u anki fl-Università, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-ħtieġa li l-attiviżmu fost iż-żgħażagħ ikompli jimbotta ideat importanti biex inkomplu nagħmlu lil pajjiżna aħjar. Hawn irrimarka għall-Youth Advisory Forum, li beda t-tieni terminu tiegħu u li jservi bħala Kabinett taż-żgħażagħ fejn l-eżekuttiv tal-pajjiż jiddiskuti temi importanti maż-żgħażagħ.

Waqt Freshers’ Week il-Prim Ministru Robert Abela, li flimkien miegħu kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, żar l-istands, fosthom t’għaqdiet studenteski. Din is-sena akkademika ġdida qed tara madwar 5,200 student fl-Università ta’ Malta, b’2,100 minnhom se jkunu qed jistudjaw f’kors postgradwatorju. Fil-Junior College hemm mal-2,100 student jistudjaw, b’nofshom huma student ġodda.