Waqt id-diskors tiegħu fil-Konferenza Internazzjonali tal-Ombudsman, li mmarkat it-30 anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman f’Malta, bit-tema ‘Insostnu l-Governanza tajba fi żminijiet ta’ sfida’, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li l-istituzzjonijiet Maltin illum huma aktar b’saħħithom u indipendenti minn qatt qabel.
“Setgħat li qabel kienu f’idejn il-Gvern jew il-Prim Ministru illum imxew f’idejn il-Parlament u l-President, filwaqt li saħħew il-bilanċ tal-ordni Kostituzzjonali tagħna. Il-proċessi ta’ skrutinju u konsultazzjoni li daħħalna fil-ħatriet kostituzzjonali, fit-tfassil tal-liġijiet, u fit-tmexxija tal-karigi pubblika, huma xhieda ċara ta’ demokrazija li kibret aktar b’saħħitha”, irrimarka Dr Abela.
Il-Prim Ministru rrefera għal numru ta’ miżuri konkreti li ħa l-Gvern biex isaħħaħ il-pedamenti ta’ governanza tajba. Dawn jinkludu l-introduzzjoni ta’ aktar trasparenza fil-ħatriet pubbliċi; it-tisħiħ tal-indipendenza tal-ġudikatura permezz ta’ sistema ta’ ħatriet u promozzjonijiet ibbażati fuq il-mertu, salvagwardati minn prinċipji kostituzzjonali, riforma li wasslet għal żieda ta’ aktar minn 40% fid-daqs tal-ġudikatura fuq tliet snin; u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ġodda li jsaħħu l-obbligu ta’ rendikont pubbliku, inkluża leġiżlazzjoni dwar l-integrità fil-ħajja pubblika, li tiżgura li kull servizz mogħti mill-Istat ikollu l-għeruq tiegħu fl-etika.
“Dawn ir-riformi ma sarux biex jissodisfaw xi istituzzjoni jew entità partikolari, iżda biex isaħħu r-rabta ta’ fiduċja bejn il-poplu u l-Istat”, afferma l-Prim Ministru Abela. Huwa żied jgħid li r-riformi li twettqu fl-aħħar snin ġew rikonoxxuti mill-istituzzjonijiet Ewropej, fosthom il-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, li bħalissa Malta tippresjedi.
Dr Abela afferma li l-Gvern għażel li jaddotta triq definita mill-kontinwità istituzzjonali, it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, u l-konvinzjoni li t-trasparenza hija l-aktar forma b’ saħħitha ta’ tmexxija. “L-impenn tiegħi huwa ċar: li nkompli nagħti tifsira vera lill-governanza tajba. Governanza li tinħass fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies, li tipprovdi stabbilita, u li tpoġġi liċ-ċittadin u l-Ġustizzja fiċ-ċentru tagħha. Hekk nibnu futur ta’ demokrazija matura u tmexxija bl-għeruq fis-servizz”, stqarr il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru enfasizza li l-Gvern iħares lejn ir-riforma mhux bħala piż fuq l-Istat, iżda bħala mezz biex jassigura li l-governanza tibqa’ trasparenti, effettiva, u qrib in-nies li taqdi.