“L-istorja tal-kbarat xi ftit jew wisq nafuha, imma l-istorja ta’ nies bħalna fejn sa nisbuha. Issa għallinqas għandna ktieb li jtina ħjiel ta’ kif kienu jgħixu ħafna mill-Maltin u l-Għawdxin fil-bidù tas-seklu 20.” Hekk qalet persuna li nhar it-Tnejn (7 ta’ April 2025) fil-għaxija attendiet għat-tnedija tal-ktieb ‘Ritratti mill-Istorja’ miktub minn Evarist Bartolo u maħruġ mis-SKS fir-Razzett tal-Markiż, il-Mosta.
Fil-bidù tal-lejla, Philip Vella kanta versi miktuba fil-ġurnal ‘Il-Ħmar’ fl-4 ta’ Awwissu 1917 u miġjuba fil-ktieb, li tirrakkonta ż-żjara ta’ xi ħadd b’darstu tuġgħu għand dentist. Il-klinika tant hi maħmuġa, bit-tazza vera nkallata u b’
“Riħa li tqażżeż ta’ qtates mejta
Kien jonqos magħha ftit xewk tal-ħut…
Ta’ dana kollu, kif ma kienx xieraq,
Jien tajtu f’idu, tmintax irbiegħi.
Ħa – għedtlu – grazzi, talli mad-darsa
Duttur int qlajtli – l-istonku tiegħi.
Wara l-kanzunetta tkellmu l-Professuri Norbert Bugeja u John Chircop li spjegaw li l-ktieb ta’ Bartolo jidħol fit-tradizzjoni tal-ġrajjiet dwar in-nies komuni u l-ġlieda tagħhom mal-ħajja biex jegħelbu l-problemi tal-faqar, ġuħ, mard u qgħad li kienu jaħdmu lill-pajjiżna seklu ilu.
Evarist Bartolo qal li jittama li l-ktieb iservi biex nifhmu ftit mnejn aħna ġejjin aħna l-Maltin. :Għax kif se nkunu nafu fejn qegħdin jekk ma nafux mnejn ġejjin u kif se nkunu nafu fejn sejrin jekk ma nafux fejn qegħdin. L-istorja hija għalliema tajba imma aħna wkoll irridu nkunu studenti tajba jekk irridu nitgħallmu.”
Il-lejla ntemmet bżkanzunetta oħra minn Philip Vella minn versi li wkoll jinsabu fil-ktieb. Jisimhom ‘NIBKU JEW NIDĦKU’ u dehru għall-ewwel darba fil-gazzetta IL-ĦMAR tal-25 ta’ Jannar 1919:
“F’dan iż-żmien li fih ninsabu
X’għandu jsir ħadd ma jaf sewwa
U la nafu għandniex nibku
Għandniex nidħku bl-akbar ħlewwa
Ħadd ma jaf miż-żgħir sal-kbir
X’għandu f’Malta sewwa jsir.”