Spiss niltaqghu ma’ stejjer ta’ nies li hadmu ghal suċċess li bih kienu ta’ ispirazzjoni għall-ħafna nies. Ħafna drabi jkunu nies li bdew mix-xejn u grazzi għat-talent u d-determinazzjoni tagħhom illum irnexxilhom iwettqu l-holma tagħhom b’suċċess kbir. Mill-banda l-oħra hemm stejjer ta’ nies li huma ferm aktar viċin tagħna u li bl-istess determinazzjoni u sagrifiċċju jaslu biex wettqu l-ħolm tagħhom.
Ngħid għalija jien, dawn huwa l-istejjer li verament huma ta’ xempju għall-oħrajn. Waħda minnhom hi dik ta’ William, mastrudaxxa b’esperjenza twila fis-settur tal-manifattura tal-injam, li ddeċieda li jagħmel pass kbir u jiftaħ intrapriża tiegħu stess.
Wara snin jaħdem f’fabbrika tal-ipproċessar tal-injam, William xtaq li jiftaħ għal rasu flimkien mal-familja tiegħu. Din il-ħolma saret realtà grazzi għall-appoġġ kontinwu ta’ SEM – Servizzi Ewropej f’Malta u għall-opportunitajiet li joffru l-fondi Ewropej. Permezz tal-iskema SME Enhance, William kiseb għotja ta’ madwar €100,000 fuq investiment totali ta’ aktar minn €200,000, li ppermettilu jixtri tagħmir modern u makkinarju speċjalizzat biex jipproduċi għamara ta’ kwalità għolja.
Kien ta’ pjaċir kbir għalija niltaqa’ ma’ William waqt żjara flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Roderick Zerafa, u nisimgħu l-istorja tiegħu. Dak li jolqot l-aktar f’din l-esperjenza huwa mhux biss il-kuraġġ ta’ William, imma wkoll il-fatt li l-familja tiegħu tinsab wara kull pass li qed jagħmel, involuti wkoll fil-ħidma ta’ din l-esperjenza ġdida. Din hi x-xhieda ċara ta’ kif il-familja Maltija tibqa’ l-qalba ta’ kull suċċess tal-gvern.
Inħeġġeġ lil kull min għandu ħolma li jibda n-negozju tiegħu biex jagħmel bħalma għamel William: iċċekkja x’jistgħu joffru l-fondi Ewropej permezz tal-agenzija SEM.
Bħala Gvern, dawn l-istejjer jimlewna bil-kuraġġ għax juru kif il-politika tagħna qed tħalli l-frott u qed toħloq l-opportunitajiet għall-Maltin u Għawdxin biex jinvestu, jikbru u jħarsu lejn il-futur b’aktar fiduċja. Huwa dan l-ispirtu ta’ determinazzjoni u kuraġġ li jagħti sens lil dak kollu li nagħmlu bħala gvern għall-gid ta’ pajjizna u l-familji kollha.