Tuesday, April 8, 2025

‘L-istorja tal-klabb tagħna għadha f’nofs il-kitba tagħha … u jien nittama li nibqa’ nkun parti minnha’ – Larkin Bonnici

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Filwaqt li qatt ma lgħabt il-futbol b’mod professjonali, dejjem kelli passjoni għalih. Minn dejjem kont inħobb nagħti daqqtejn ballun mal-ħbieb – kemm fl-iskola, fil-mużew, kif ukoll aktar tard ma’ sħabi taż-żgħożija. L-unika sena li lgħabt ma’ tim kienet meta kelli 16-il sena, propju mal-Fgura. Kont nagħti qalbi, imma kont pjuttost medjokri! Minn ċkuniti, però, kont nitpaxxa nilgħab logħob bħall-‘Championship Manager’ u Football Manager. L-aspett manigerjali dejjem affaxxinani – il-ħsieb li tmexxi klabb, tagħmel strateġiji u tara l-frott tax-xogħol tiegħek. Fil-fatt nemmen li logħob ta’ simulazzjoni bħal dawn għandu jintuża b’mod sistematiku fl-iskejjel tagħna.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president ta’ Fgura United FC.

Sirt involut fil-klabb fl-età ta’ 21 sena, fl-2014, wara li temmejt it-teżi tiegħi dwar kif l-investiment soċjali jista’ jikkontribwixxi fit-tkabbir tal-klabbs żgħar. Minn dik ir-riċerka, ħassejt li stajt nagħti kontribut lill-klabb tar-raħal twelidi. Wara ħames snin bħala membru fil-kumitat, ġejt fdat bħala President fl-età ta’ 26 sena. Il-predeċessur tiegħi, Lawrence, emmen fija – hallieli kapital strutturali b’saħħtu li stajna nibnu fuqu. Għalkemm għamilna xi żbalji matul il-vjaġġ, dejjem emminna fil-valuri tar-rispett, integrità u konsistenza. Riedna nibnu klabb għan-nies u tan-nies. Illum, ninsabu kburin li għandna skola tal-futbol b’300 tifel u tifla, mal-40 kowċ, u skwadri kompetittivi li jikkompetu fl-ogħla diviżjonijiet. Għalkemm iddedikajt il-parti l-kbira tal-għoxrinijiet tiegħi lill-klabb, illum nista’ ngħid li tajnieh spinta ġdida ‘l fuq – minkejja r-rizorsi limitattisimi taghna.

Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-kumitat?

Kull min jafni jaf li jien ifissat fuq is-semplicita. L-arroganza nistmerra. F’kull organizzazzjoni, speċjalment waħda volontarja, nemmen li trid taħdem fuq regola bażika: “aħna”, mhux “jien.” Jiġifieri jekk isir żball, inti tilqa’ għal sħabek; jekk ikun hemm suċċess, dan taqsmu ma kulħadd. Dik hi l-mantra li trabbejt u studdjajt fuqha. Fil-klabb sibt nies brillanti li, haqqhom hafna apprezzament. Nemmen li b’aktar suċċessi fuq il-grawnd għandhom isarrfu f’aktar gratitudni lejn dawn in-nies li jagħtu tant b’dedikazzjoni u b’dover veru lejn il-klabb.

X’inhuma l-isfidi fit-tmexxija tal-Fgura United FC?

Li tmexxi hu dejjem ta’ sfida, aktar u aktar meta klabb jilqa’ mijiet ta’ nies fih. Trid iżżomm lil kulħadd motivat u iffukat fuq l-għanijiet tagħna. Trid turi rispett lil kulħadd – kemm lill-aqwa plejer tat-tim tal-kbir, kif ukoll lill-iżgħar tifel jew tifla fin-nursery. Trid tara li l-klabb ikollu biżżejjed riżorsi finanzjarji, u mhux qed nitkellmu fuq ftit eluf. Trid tkun kapaċi tisma’ kritika ta’ ġenitur u fl-istess nifs tikkonvinċi lill-awtoritajiet li l-klabb jistħoqqlu iktar riżorsi biex jkun jista jilhaq iktar nies. Dawn huma biss ftit mill-isfidi, li jsiru aktar kumplessi meta tkun qed tagħmel dottorat, Masters, taħdem full-time, part-time, u ma ninsewx ukoll l-obbligi personali u familjari li jkollok.

U x’inhuma l-preġji?

Il-preġju ewlieni hu li flimkien mhux qed inkunu biss parti mill-istorja tal-klabb, imma qed niktbuha. Qed niġġieldu l-istigma li l-Fgura hu xi klabb żgħir. Illum, naħseb li hu unur li tilgħab għall-Fgura – mhux biss għax qed nikbru fuq livell sportiv, imma għax warajh hemm valuri sodi li ħallew impatt pożittiv fuq il-ħafna.

Kif qed tara l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Kien staġun dinamiku. L-ewwel parti kienet diffiċli – battejna biex irrankajna f’diversi gruppi. Iżda mit-tieni parti tal-istaġun hadna zvolta differenti. It-tim tal-kbar dawwar ir-rotta. Minn tlett punti ‘l bogħod mir-relegazzjoni, illum qed nitkellmu fuq tim li fis-sena kalendarja 2025 rebaħ 9 mill-ahhar 10 logħobiet fil-Challenge League. Kuntenti bl-iskwadra prezenti u nemnu li nistghu nibnu fuqha.

Fl-U19 għandha taħlita ta’ plejers ġodda u oħrajn li telgħu mill-istrutturi tagħna. Għandna ċans realistiku li nirbħu l-kampjonat Youth B u, għall-ewwel darba fl-istorja tagħna, nikkompetu fl-ogħla diviżjoni sena d-dieħla. L-U17, għal sena oħra ser jilagħbu f’sezzjoni A – għalkemm ftit emmnu fina. L-U15 din is-sena lagħbu f’sezzjoni A wkoll, minkejja li kienu iżgħar fl-età. Il-prestazzjoni tagħhom kienet qalbiena, u nemmen li l-isfidi li kellhom jgħaddu minnhom ser iservuhom tajjeb għall-futur. Bħala President, ninsab impenjat li nkun infurmat dwar dak li qed jiġri f’kull saff tal-klabb. U biex dan ikun possibbli, ma nistax ma nfahharx lill-kumitat kollu u lill-kowċis kollha li jagħtu qalbhom għal dan il-klabb. Dan jaghmluh mhux għax ser isiru sinjuri, imma għax jemmnu fil-missjoni tagħna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Illum, ta’ 32 sena, aktar sirt nemmen li s-sabiħ tal-ħajja mhux f’kemm tagħmel flus, imma fl-esperjenzi li tħalli warajk. Fuq hekk nemmen li niġu ġġudikati. Kalċistikament, irridu nibqgħu nikkonsolidaw ruħna f’kull livell. L-istorja tal-klabb tagħna għadha f’nofs il-kitba tagħha … u jien nittama li nibqa’ nkun parti minnha!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport