Friday, December 20, 2024

“L-istorja tal-vittmi mimlija toqob” – l-avukat ta’ Robert Brincau

Aqra wkoll

Hekk kif kompla jinstema l-każ tad-Direttur tal-Ħabs, Robert Brincau, l-avukat tiegħu sostna li l-verżjonijiet tal-istorja tal-vittmi hija mimlija toqob filwaqt li d-dettalji jitkellmu waħidhom.

Dr Stephen Tonna Lowell qal dan waqt l-istadju ta’ trattazzjonijiet fis-smigħ tal-każ kontra Robert Brincau fejn fih qed ikun akkużat li allegatament hedded sewwieq ta’ ambulanza tal-kumpanija privata Alpha Medical, ikkaġunalu ġrieħi ħfief u ġarr fuqu arma mingħajr liċenzja.

Waqt ix-xhieda li ta’ Brincau qal li dakinhar li seħħ l-argument f’Awwissu li għadda hu ma kienx qed iġorr armi tan-nar fuqu. L-akkużat qal li kull ma kellu biss kien il-mobile u l-kartiera.

Waqt it-trattazzjonijiet taż-żewġ partijiet l-Avukat tal-imputat, Stephen Tonna Lowell, irrefera għad-dettalji importanti ta’ dan il-każ u kif dawn jikxfu manipulazzjoni mill-uffiċjali tal-Alpha Medical biex Brincau, “ipatti għal xi ħaġa.”
Min-naħa tiegħu l-avukat tal-vittma – Edmond Cuschieri – qal li kien hemm xhieda li qalet taħt ġurament li rat arma fil-but ta’ wara ta’ Brincau. Min-naħa l-oħra, l-avukat tal-imputat reġa’ sostna li fost affarijiet oħra nnota li l-infermiera tal-Alpha Medical xehdet li l-arma hija skura meta fil-verità din għandha lewn tal-fidda.

L-Avukat tal-imputat staqsa wkoll kif l-istess infermiera ma ċemplitx lill-Pulizija jekk Brincau allegatament beda jxejjer arma jew inkella ma ħaditlux ritratt.

Il-kawża ġiet differita għas-sentenza għall-24 ta’ Jannar fid-9 ta’ filgħodu.

Ekonomija

Sport