Proprju llum qed jiġi mfakkar il-65 anniversarju mill-istrajk ġenerali li sar fit-28 ta’ April, 1958 li kien segwit minn irvell nazzjonali mill-ħaddiema. Tlitt ijiem qabel, fil-25 ta’ April, 1958 il-GWU laqqgħet il-Kunsill Nazzjonali tagħha u waqt il-laqgħa ġie deċiż li l-GWU issejjaħ strajk ġenerali tlitt ijiem wara.
Dakinhar tal-istrajk, sa minn filgħodu kmieni deher ċar li l-ħaddiema kienu se jwieġbu bis-saħħa kollha għas-sejħa tal-GWU. Kienu ħaddiema u ħafna żgħażagħ li wrew determinazzjoni liema bħala u mingħajr biża’ u b’militanza kbira fihom ħarġu ma’ Malta kollha jipprotestaw.
Kienet ġurnata fejn il-ħaddiema mmexxija mill-GWU u anke bl-għajnuna tal-Partit Laburista ddominaw il-pjazez u t-toroq. Il-ħaddiema kienu deċiżi li jibagħtu messaġġ b’saħħtu lil militar Ingliżi li ż-żmien tagħhom f’Malta se jibda jiġi magħdud.
Il-ħaddiema Maltin ma beżgħux mill-qilla tal-forzi tal-ordni u l-qlubija li wrew wasslet biex ħafna minnhom jiġu arrestati inklużi uffiċjali tal-GWU. Saħansitra kien hemm numru minnhom li ntefgħu l-ħabs fi proċessi ta’ ftit sigħat fil-qrati.
Il-ġurnata tat-28 ta’ April, 1958 kienet ġurnata sewda għal Malta mhux għax sar l-istrajk imma għal vjolenza li wrew il-forzi tal-ordni kontra l-ħaddiema Maltin. Fl-istess ħin kienet ġurnata glorjuża għall-ħaddiema u l-GWU għax dik il-ġurnata wittiet il-mixja ta’ pajjiżna lejn ħelsien sħiħ mill-ħakma tal-barrani.
Biex din il-ġrajja storika ma tintesiex u tibqa’ tkun imfakkra, nhar it-28 ta’ April ta’ tmien snin ilu, il-GWU kixfet fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, wieħed mill-lokalitajiet fejn saru l-eqqel battalji mal-pulizija, mafkar li jqim lil dawk l-eroj li kienu arrestati ujew mitfugħa l-ħabs. Ta’ kull sena, kemm il-GWU kif ukoll il-Partit Laburista jonoraw dan il-jum bi tqegħid ta’ fjuri biswit dan il-mafkar.
L-istrajk ġenerali tat-28 ta’ April 1958, kien li xegħel il-fjamma biex il-ħaddiema jibdew jiddefinixxu u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Tul il-medda taż-żmien, il-ħaddiema komplew jiksbu aktar drittijiet, bil-GWU tkun fuq quddiem nett f’dawn il-kisbiet.
Dak li ġara 65 sena ilu għad għandu rilevanza llum? Illum il-ġurnata jeħtieġ li nkomplu mexjin fit-triq li qbadna dakinhar u fl-istess waqt il-ħidma għandha tkompli biex naraw li dak li għandu dritt għalih il-ħaddiem, jingħatalu. It-28 ta’ April 1958 għandu jibqa f’moħħ kulħadd biex ma nħallux it-tibdil, anki teknoloġiku, fid-dinja tax-xogħol isir għas-skapitu tad-drittijiet u l-interessi tal-ħaddiema.
Nemmnu għalhekk li kull ħaddiem għandu jkollu d-drittijiet tiegħu mħarsa u msaħħa u dawn id-drittijiet jinkludu kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa u ħlas diċenti biex dan ikun jista’ jgħix kwalita ta’ ħajja.