Thursday, March 28, 2024

“L-Istrateġija taċ-ċertifikat ħadmet… ir-rata tal-booster sparat ‘il fuq” – Il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

Waqt l-attività Politika ta’ dalgħodu min-Nadur, il-Prim Ministru Robert Abela ma naqasx milli jitkellem dwar it-teħid tal-vaċċin u ċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Il-Prim Ministru qal li l-Oppożizzjoni qatt ma ħeġġet lil dawk li kienu għadhom ma tlaqqmux biex jagħmlu dan. Huwa żied jgħid li dwar dan il-ħsieb stenna li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jingħaqad miegħu biex iħeġġeġ lill-poplu jitlaqqam.

Abela kompla jgħid li ma jafx kif jiflaħ ikun daqstant populist il-Kap tal-Oppożizzjoni. Fakkar li meta tnedew ir-regoli marbuta maċ-ċertifikat tal-vaċċin, liema regoli dawn qegħdin mal-Ewropa kollha, ir-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni kienet li jaqbel mad-deċiżjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa. Imbagħad, żied jgħid il-Prim Ministru, ftit jiem wara dan bidel fehmtu u qal li din hi inkwiżizzjoni fuq il-libertajiet tan-nies.

“Irrealizza mbagħad il-Kap tal-Oppożizzjoni li l-istrateġija tagħna kienet li rridu nlaqqmu kemm nifilħu nies malajr biex niġu malajr lura lejn in-normalità u dik ma ridiex. Ġara li r-rata tal-booster dose sparat ‘il fuq u allura ħadmu l-miżuri,” qal Dr Abela. 

“Qalulna wkoll li 40,000 doża tal-vaċċin kien biss se jġib pajjiżna. Dak fejn kien il-PN fl-aktar mument importanti tal-pandemija. Mhux ta’ b’xejn in-nies kienu, għadhom u jibqgħu jafdaw lilna. Għax min il-politika tal-populiżmu tmexxieh ta’ kuljum qatt ma taf fejn qiegħed miegħu. Magħna taf fejn qiegħed,” tenna l-Prim Ministru li rringrazzja lil kull min ikkonkorra għat-tilqim u assigura li se jkollna żmien sabiħ ħafna quddiemna.

Ekonomija

Sport