Forsi qatt ma tgħaddi minn rasna li nispiċċaw bla internet. Li nagħmlu jiem sħaħ mingħajr dan is-servizz li llum mhux biss sar utli imma sar parti integrali mill-ekonomija madwar id-dinja u li mingħajru ma jaħdmux. Forsi ftit li xejn nirrealizzaw li biex għandna dan is-servizz, hemm cables sħaħ fil-qiegħ tal-ibħra. Jekk toqgħod taħseb tirrealizza malajr li dan hu qasam vulnerabbli għall-aħħar għax jiddependi minn ftit rotot li huma vulnerabbli.
Fuq sitwazzjoni bħal din, ma tistax ma titkellimx ma’ Anthony DeBono, li għamel snin twal involut fil-qasam tat-telekommunikazzjoni u ħadem u ra’ b’għajnejh issir it-trasformazzjoni fil-qasam tat-telekommunikazzjoni li bdiet fil-bidu tas-snin tmenin, Anthony jiddikjara b’mod ċar li teżisti
vulnerabbiltà kritika tas-submarine cables fid-dawl tal-kriżi ġeopolitika li qed tiżviluppa. Jgħid li din hija kwistjoni li tolqot direttament is-sigurtà diġitali, l-istabbiltà nazzjonali u l-kontinwità tal-pajjiż. Mhux taghna biss imma tad-dinja kollha.
Jiddikjara li ‘l-kriżijiet globali dejjem kellhom punt wieħed komuni: dejjem juru fejn aħna l-aktar dgħajfin. Illum, il-kriżi taż-żejt li qed tfaqqa’ mill-kunflitt bejn l-Iran u l-Istati Uniti reġgħet poġġiet l-‘Istrett ta’ Hormuz” fuq quddiem nett tal-aħbarijiet. Dak il-kanal dejjaq li minnu jgħaddu kważi 20 fil-mija tal-provvista dinjija taż-żejt. Iżda fil-qasam diġitali, għandna l-ekwivalenti tiegħu—u ħafna drabi lanqas nindunaw bih. Aktar minn 95 fil-mija tat-traffiku tal-internet jgħaddi minn fibri ottici taħt il-baħar. Dawn huma l-arterji li jżommu l-ekonomija globali taħdem. U bħal kull arterja, jistgħu jinqatgħu.
Din mhix biża’ astratta. L-istorja diġà wriet x’jiġri meta cable wieħed jinqata’: reġjuni sħaħ jiddgħajfu, swieq finanzjarji jittardjaw, u pajjiżi jibqgħu iżolati. U jekk dan iseħħ f’żona ta’ kunflitt, il-vapur li jkun se jagħmel it-tiswijiet lanqas jista’ jidħol jaħdem.
Il-pajjiżi ilhom snin jissaħħu fil-Cloud, fis-sigurtà ċibernetika, fl-encryption. Iżda nsew l-aktar fatt sempliċi: Id-data hija sigura biss jekk tista’ tivvjaġġa b’mod sigur. Is-submarine cables huma l-“Istrett ta’ Hormuz” diġitali tagħna. Huma vulnerabbli, essenzjali u kważi inviżibbli. Jekk ma nibnux rotot ġodda, jekk ma nsaħħux ir-reżiljenza, jekk ma nippjanawx b’għaqal, inkunu qed nistennew il-kriżi li jmiss. Malta għandha l-esperjenza, il-pożizzjoni u l-vuċi biex tmexxi dan id-djalogu. U għandha tagħmel dan issa—qabel ma l-kriżi diġitali ssir realtà.
Għall-aħħar domanda tiegħi, Anthony DeBono jwassal it-twissija ta’ esperjenza u sostna li “fid-dinja dejjem tibża’ miż-żejt.
Illum, l-interruZZjoni tad-‘Data’ u allura l-kommunikażżjoni tkun ferm aktar devastanti. Il-protezzjoni ta’ dawn l-arterji diġitali mhijiex għażla — hija d-dmir globali tagħna.”

