…negozjaturi jagħmlu l-profitti kbar
L-għeluq ta’ l-Istrett ta’ Hormuz, bl-Iran jattakka bastimenti li jippruvaw jgħaddu minnu ħoloq tensjoni kbira u pressjoni fuq il-prezz taż-żejt, li llum tela’ għal $110-il barmil meta qabel il-kunflitt kien $70-il barmil. Dan wassal biex illum iċ-ċittadini fil-pajjiżi madwar id-dinja qegħdin jibdew iħossu l-effetti ta’ żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil.
Dan flimkien ma’ effetti fuq oqsma oħra fosthom prodotti tal-ikel. Minkejja dan iżda hemm kumpaniji li jidher li sejrin tajjeb minn dak li għaddej.
Filfatt f’għadd ta’ rapporti li ġew ippubblikati ġie allegat li l-kumpanija TotalEnergies għamlet profitt ta’ $1 biljun minn spekulazzjoni fuq iż-żejt fil-Lvant Nofsani.
F’dawn ir-rapporti qiegħed jingħad li din il-kumpanija allegatament iddominat is-suq taż-żejt mhux raffinat fil-Lvant Nofsani f’Marzu, billi akkwistat għadd kbir ta’ tagħbijiet taż-żejt.
Skont il-Financial Times, hu rrappurtat li l-kumpanija għamlet aktar minn $1 biljun fi profitt wara li xtrat tagħbijiet taż-żejt madwar il-Lvant Nofsani hekk kif il-kunflitt fl-Iran waqqaf it-tbaħħir mill-Istrett ta’ Hormuz.
Ġie rappurtat li dawn in-negozjanti taż-żejt xtraw madwar 70 tagħbija ta’ żejt mhux raffinat prodott fl-Emirati Għarab Magħquda u l-Oman disponibbli għat-tagħbija f’Mejju — aktar mid-doppju tax-xiri tagħha fi Frar. Total s’issa ma għamlet l-ebda dikjarazzjoni pubblika soda dwar din il-kwistjoni u qalet lill-Financial Times li ma tikkummentax dwar l-attivitajiet kummerċjali tagħha.

