Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li x-xogħol minn Infrastructure Malta fuq l-istrutturi tal-pedament li se jkun is-sapport għar-rikostruzzjoni tal belvedere tal-Għeriexem fir-Rabat waslu biex jitlestew.
Il-proġett tal-Belvedere tal-Għeriexem hu investiment infrastrutturali ta’ €4 miljun li se jinkludi pedamenti ġodda, disinn aħjar għall-karreġġati, belvedere b’passaġġ pedonali, għadd ta’ bankijiet iħarsu lejn il-ġmiel ta’ veduta tal-wied tal-Għeriexem u tisbiħ ta’ żoni fil-viċinanzi permezz ta’ tħawwil ta’ siġar ġodda.
Il-Ministru Ian Borg qal, “L-għan tagħna bħala gvern bi pjan hu li dejjem intejbu l-kwalità ta’ ħajja u noffru l-aqwa sigurtà possibbli lin-nies biex ma jkunx hemm repetizzjonijiet ta’ inċidenti bħalma kellna hawnhekk. Ridna nidħlu fiż-żarbun tar-Rabtin u nħossu dak li bdew iħossu huma u għalhekk nixtieq minn qalbi nirringrazzja lil dawk il-familji kollha Rabtin li tawna permess inżuru djarhom u nesperjenzaw dak li bdew jesperjenzaw huma biex b’hekk seta’ jibda l-ippjanar ta’ dan il-proġett u stajna nagħmlu aktar studji u osservazzjonijiet preċiżi biex dan il-proġett isir bl-aktar mod bilgħaqal, bi kwalità, minn qalbna għar-Rabtin”.
Il-proġett tal-belevedere ta’ Għeriexem tnieda erba’ xhur ilu. Ta’ min jgħid li fil-proċess nstabu anke fdalijiet ta’ sinifikat arkeoloġiku. Bi ftehim bejn Infrastructure Malta u s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali ġew modifikati partijiet mill-pjanijiet tal-proġett biex b’hekk dawn il-fdalijiet setgħu jiġu ppreservati, viżibbli u aċċessibbli għal studji futuri.
Skart mormi illegalment u li akkumula sew f’dan is-sit minn għexieren ta’ snin tnaddaf mill kuntratturi tal-proġett.
Infrastructure Malta mistennija toħloq culvert għal cables ġodda tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli li se jtejbu s-sistema tal-elettriku f’din iż-żona. Dawn il-culverts se jkunu qed inaqqsu l-ħtieġa li titħaffer it-triq il-ġdida minħabba xi tiswijiet jew aġġornameti futuri. Barra minn hekk, il-proġett se jinkludi sistema ġdida ta’ drenaġġ li se ssarraf fi ġbir aktar effettiv tal-ilma tax-xita, pipelines ġodda li jipprovdu anke ilma tajjeb għax-xorb u katusi ġodda li se jkunu qed itejbu networks ta’ telekomunikazzjoni bħall-internet.
Infrastructure Malta qed taħdem biex tlesti dan il-proġett fl-inqas żmien possibbli biex b’hekk tkun qed toffri l-aqwa sigurtà lill-utenti tat-triq u lir-residenti ta’ din iż-żona.