Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żar il-Kulleġġ San Tumas More, Nazzareno Farrugia Skola Primarja B, fil-Fgura u hemmhekk qassam two-in-one devices lill-istudenti tar-Raba’ u l-Ħames Sena. Bħalissa qed jitqassam dan it-tagħmir diġitali fl-iskejjel primarji kollha tal-gvern, dawk tal-knisja u wkoll dawk indipendenti.
“Bħalissa qed inqassmu aktar minn 9000 two-in-one device, li permezz ta’ ppjanar u permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, qegħdin nibnu fuq it-tajjeb li kien hemm, u saħansitra qegħdin intejbuh. Filwaqt li qabel l-istudenti kienu jingħataw it-tablet, ħassejna l-ħtieġa li nevolvu u nagħtu dan it-two-in-one device, li għandu benefiċċji li jixbħu lil dawk tat-tablet imma anki tal-laptop. Għalhekk it-tfal tar-Raba’ u l-Ħames Sena qed nippreparawhom għal meta fis-Seba’ Sena jingħataw il-laptop min-naħa tal-gvern,” spjega l-Ministru Clifton Grima.
Sa issa diġà tqassmu ftit inqas minn elfejn minn dan it-tagħmir diġitali, u l-kumplament se jkunu tqassmu kollha sax-xahar id-dieħel.
Fil-jiem li ġejjin se tkun imnedija l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali, li l-għan tagħha jagħqad u huwa konsolidat fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030. Din l-Istrateġija tipprovdi l-qafas neċessarju għall-adozzjoni ta’ ħiliet diġitali tas-seklu 21, speċjalment dawk ta’ tħejjija diġitali, benesseri diġitali, u ċittadinanza diġitali.
Bit-tqassim ta’ dan it-tagħmir diġitali u wkoll b’dak li hemm kemm fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni u l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali, il-ministeru qed ikompli jirrikonoxxi t-trasformazzjoni diġitali li qed isseħħ u għalhekk qed ikompli jisħaq fuq l-importanza li l-istudenti jiksbu ħiliet ta’ ċittadinanza diġitali.
Preżenti kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni Matthew Vella, id-Direttur tad-Dipartiment Digital Literacy and Transversal Sills tal-Ministeru għall-Edukazzjoni Neil Attard, il-Prinċipal u l-Kap tal-Iskola, kif ukoll rappreżentanti tal-kumpanija li qed jipprovdu t-tagħmir diġitali.