Tuesday, March 24, 2026

“L-istupru fuq it-tfal huwa wieħed mill-agħar forom ta’ abbuż li wieħed jista’ jgħaddi minnu”

- Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Aqra wkoll

“Dak li ħareġ mill-Qorti dan l-aħħar u dak li rrapportat il-midja dwaru huwa xokkanti. L-istupru fuq it-tfal huwa wieħed mill-agħar forom ta’ abbuż li wieħed jista’ jgħaddi minnu. Iħalli marki permanenti fuq il-vittmi u l-qraba tagħhom.”

Dan iddikjaratu s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali, hekk kif fil-jiem li għaddew ħarġet is-sentenza ta’ allegat stupru fuq minuri f’Għawdex li ngħatat fil-Qorti tal-Appell Kriminali. 

Is-Segretarju Buttigieg kompliet tisħaq li: “Koroh daqsu huma l-manuvri li jsiru biex jinħbew ħniżrijiet bħal dawn, inkluż ix-xiri tas-silenzju u l-omertà. Nagħmlu ħażin jekk inwaddbu dawn l-affarijiet taħt it-tapit. Kull membru tas-soċjetà għandu jifhem il-ħsara li jsofru l-vittmi, is-saħħa tal-ġustizzja u r-rabja tal-pubbliku meta tgħaddilu minn rasu li jipprova jostor xi abbuż.” 

L-allegazzjonijiet serji f’dan il-każ li jmorru lura għall-2007. Skont ix-xhieda tal-vittma, l-ewwel allegat abbuż sesswali fuqha sar waqt il-Festa tal-Imnarja fl-2007 meta hija kellha 13-il sena. Il-ġenituri ffirmaw kwerela kriminali formali iżda, l-għada stess ġew avviċinati minn qassis qarib tal-imputati u minn ħuhom.

Il-ġenituri qalu li kienu taħt pressjoni kbira u li ġew offruti  €7,000 biex jitilqu l-każ, kif  ukoll il-ħlas għal psikologu privat u vaganza għat-tifla. Snin wara, waqt li l-każ kien għadu għaddej, il-vittma li sa dak iż-żmien saret adulta, flimkien mal-ġenituri tagħha ffirmaw rinunzja oħra, wara li l-imputati allegatament ħallsu, hekk imsejjaħ kumpens ta’ €120,000. L-allegazzjonijiet f’dan il-każ li jinsab fuq fomm ħafna kienu serji – stupru, korruzzjoni ta’ minuri u sekwestru llegali ta’ minorenni li kellha 14-il sena meta fl-2008 saru r-rapporti lill-Pulizija. F’dan il-każ ġie allegat li l-abbuż beda meta t-tifla kellha biss 13-il sena. 

Fil-qorti ħarġu ħafna dettalji tal-każ, każ li kien ilu għaddej għal xejn inqas minn 18-il sena. Fil-fatt is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell kienet twila 159 paġna. L-allegat abbuż beda bejn is-sena 2007 u l-2008 u dan sar f’diversi allegati postijiet inkluż f’karozza, f’post li kien għadu jinbena, f’sit ta’ lukanda, ħdejn xi appartamenti, f’garaxxijiet vojta mingħajr bibien u bitħa fejn kienu jinżammu trakkijiet. 

Xhieda partikolari li ħarġet f’dan il-każ ta’ allegat stupru ta’ minuri kienet  minn tliet reliġjużi – l-Arċipriet Dun Salv Muscat, Dun Michael Said u Dun Manuel Cordina. Mid-dettallji li ħarġu fil-Qorti omm il-minuri spjegat li, “kien jum it-Tnejn, wara li t-tifla kienet giet mitkellma mill-Pulizija u hija ltaqgħet ma’ Dun Said”. Dan tal-aħħar staqsieha x’riedet għat-tifla u din weġbitu li tiġi kkurata minn psikologista u n-nies li għamlulha l-ħsara, issir ġustizzja magħhom. Meta marret id-dar mar iħabbtilha l-Arcipriet Dun Salv Muscat u staqsiehom kellhomx bżonn xi għajnuna u dan peress li kien sema’ b’dak li kien seħħ mingħand ħu tnejn mill-akkużati. 

L-omm fil-Qorti qalet kif kien hemm insistenza biex iwaqqfu l-proċess li kien beda mal-Pulizija. Ir-raġel tagħha ma riedx jagħmel dan iżda kompliet kif “baqa’ jinsisti u jgħidilna li qiegħed isir il-ħin” u li kien issuġġerielhom biex iqabbdu avukat. Irrakkontat li l-avukat beda jagħmel kuntratt u  ħareġ il-flus fejn l-avukat kien qallu biex jagħmlu ammont t’erbat elef (4,000). X’ħin lesta l-kuntratt l-avukat, żewġha, hija  iffirmawh. 

Omm it-tifla fil-Qorti spjegat li ma tafx jekk preżenti kienx hemm ukoll iz-ziju tat-tifla. Żiedet li l-flus kienu ġew mgħoddija u li kienet lesta tesebihom fis-seduta ta’ wara. 

“Kull deċiżjoni kellha ssir minnhom u fuq il-kuxjenza tagħhom”. Dan kien kliem li Dun Cordina qal fil-Qorti dwar dan il-każ ta’ allegat stupru ta’ minuri fejn insista li huwa kien jagħtihom l-appoġġ u “l-ġustizzja ssir waħidha”. Mistoqsi mill-istess Qorti kemm il-darba kien kellem it-tifla, huwa wieġeb li fuq il-każ darbtejn. Żied li huwa kien sar jaf min kienu l-imputati mill-midja u mhux għax qalulu l-familja jew il-minuri. 

Il-Qorti tal-Appell tat il-verdett finali tagħha ġimgħa ilu fejn temmet il-proċeduri kontra l-erbat irġiel billi lliberathom mill-akkużi kollha miġjuba kontrihom. Dan għax, l-istess Qorti ddeċidiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-akkużi lil hinn minn dubju raġonevoli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport