Sunday, October 27, 2024

L-Italja bi pjan dwar kif se żżomm l-immigranti f’iżolament minħabba li jista’ jkollhom il-COVID-19

Aqra wkoll

Biex iżommu f’iżolament lill-immigranti illegali li qed jaslu fl-Italja, peress li jista’ jkun hemm minn fosthom li għandhom il-COVID-19, l-Italja se tkun qiegħda tadotta miżuri simili għal dawk li ntużaw anke f’pajjiżna. 

Fil-fatt, jidher li l-Gvern Taljan diġà talab bastimenti biex jinżammu fihom dawn l-immigranti, flimkien ukoll ma’ strutturi militari fejn l-immigranti jridu jqattgħu l-kwarantina. Barra hekk, se jkun hemm binjiet oħra li se jintużaw apposta għal waqt din l-emerġenza. 

Min se jinstab pożittiv se jinżamm ‘il bogħod mill-oħrajn u se jsirulu kontrolli sanitarji. Se jkun żgurat li dawn il-binjiet ikunu taħt sorveljanza stretta biex żgur ma jidħol ħadd minn barra u lanqas isiru protesti. 

Dawn il-passi qegħdin jittieħdu hekk kif inhu maħsub li se jiżdiedu l-ammonti ta’ immigranti li jaħarbu mil-Libja. Għaldaqstant, qegħdin jittieħdu dawn il-miżuri ta’ konteniment ħalli l-virus ma jibqax jinfirex. 

Dan it-tħassib żdied hekk kif kien hemm bosta titjiriet li ġew blokkati minn diversi pajjiżi, fosthom anke dawk Afrikani. Analisti qed jgħidu li l-organizzazzjonijiet kriminali diġà organizzaw ruħhom dwar kif se jdaħħlu lill-immigranti fl-Italja, fejn qed jiggarantixxu wkoll it-trasferiment lejn stati Ewropej oħra. 

Hu għalhekk li l-Italja se titlob ukoll biex ikun hemm iżjed kollaborazzjoni mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li tisħaq dwar ir-riskju li jistgħu jiżdiedu bl-eluf l-immigranti matul is-sajf. 

Skont iċ-ċifri li għandu l-Gvern Taljan, fl-2020 waslu 8,087 immigrant, filwaqt li s-sena li għaddiet dawn kien jammontaw għal 3,165. Fl-aħħar sigħat waslu mat-800 immigrant li waslu u minn fosthom kien hemm mat-80 persuna infettati bil-COVID-19. Il-biża’ hi li jista’ jkun hemm ħafna aktar li ħarbu mill-kontrolli tal-awtoritajiet. 

Mill-informazzjoni li għandhom l-awtoritajiet Taljani, jidher li hemm mal-10,000 immigrant li lesti biex jaħarbu mill-Afrika. Jidher li se jkun hemm diskussjoni dwar dan bejn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u l-Ministri minn Franza, Malta, Spanja, Libja Tuniżija, Alġerija, Marokk u Mawritanja. 

Sport