Saturday, October 26, 2024

L-Italja fi stat “Marxist” minħabba l-Covid-19

Aqra wkoll

Intervista esklussiva ma’ Taljana li qiegħda tgħix f’biżgħa u dwejjaq… Multi u anke ħabs għal min jinqabad barra mingħajr permess

Minn Carmen Cachia

Lorena Ciccioni, Taljana li proprjament kienet ġiet Malta biex ikollha għixien aħjar, kellha tirritorna f’art twelidha biex tkun viċin il-ġenituri anzjani tagħha fiż-żmien inċert tal-pandemija tal-Covid-19. Inewsmalta għamel kuntatt magħha f’Ruma, fejn iddeskriviet sitwazzjoni tal-biki mhux biss għat-telf ta’ eluf ta’ ħajjiet u impjiegi,  iżda agħar minnhekk huma l-miżuri iebsa wisq meħuda mill-gvern li qegħdin iwassluu biex il-poplu Taljan iħossu taħt stat “marxist”. 

B’dieqa kbira Lorena qalet li fl-Italja bħalissa qiegħed ikollhom aktar imwiet milli kien ikollhom lura f’Marzu u li l-isptarijiet huma mimlija sal-massimu tant li l-awtoritajiet qegħdin jiddiskutu jekk jibdewx jużaw il-lukandi bħala sptarijiet tal-Covid-19.

L-estremità li biha l-Covid-19 għarraq lill-poplu Taljan hija tal-biżgħa fejn għal din il-mara, kien ikun ħafna aħjar kieku s-sena 2020 qatt ma għexitha. Ciccioni qatt ma mmaġinat li f’għomorha se tara dak li qiegħed jiġri barra l-ħġieġ tal-gallerija tagħha li tant tqatta’ ħin tittawwal minnu, b’tama li xi darba din il-ħolma kerha għan-nies tagħha u għall-umanità kollha, tiġi fit-tmiemha.

“L-anġlu tal-mewt fuqna”

L-Italja hija wieħed mill-aktar pajjiżi Ewropej milquta ħażin mill-Covid-19 bi kważi 1.5 miljun infezzjonijiet u aktar minn 50,000 persuna mejta. Ix-xena tat-trakkijiet tal-armata jġorru l-kadavri vittmi ta’ dan il-virus bil-lejl, żgur li se tibqa’ ttimbrata f’moħħ kulħadd. 

L-Italja b’aktar imwiet issa milli kellhom f’Marzu li għadda

Lorena qalet li d-dinja kollha qiegħda tiġġieled lil dan l-għadu inviżibbli iżda ftit jafu li n-numru tal-mejta fl-Italja għadu jiżdied. “Bħal ħafna Taljani, fost l-infettati hemm ħafna personaġġi pubbliċi li mardu bil-Covid-19. Ibda b’Berlusconi li għandu 80 sena, Iva Zanicchi, Christian De Sica, Carlo Conte, Jerry Scotti u missier Totti, li miet bil-Coronavirus. Il-mewt tal-mużiċist tal-grupp tal-Pooh – Stefano D’Orazio fl-età ta’ 67 sena biss, kienet ħasda għalina kollha u kulħadd huwa f’luttu,” kompliet din it-Taljana.

Hija qalet li fil-bidu tal-pandemija bħala pajjiż, żgur li ma kinux ippreparati biex jilqgħu kontrih tant li rikibhom u kaxarhom. “Ir-reġjun tagħna – il-Lombardija – kien u għadu l-aktar milqut fejn far bl-infezzjonijiet. Ħafna paroli, iżda ftit fatti. Bħal dejjem il-gvern tagħna mhuwiex kapaċi u ddeċieda biss li jagħlaq kullimkien, bil-konsegwenza li żied it-tbatija fuqna. Ma ninsewx ukoll kif jikkontrolla l-ġurnaliżmu, element li jżid il-biżgħa u t-terrur fostna,” sostniet Lorena.

Il-coprifuoco…

Din il-mara hija nkwetata ferm għall-ġejjieni tagħha u ta’ dawk madwarha b’mod speċjali għall-familji li m’humiex iwasslu sal-aħħar tax-xahar bil-flus li jkollhom. “Il-Gvern mhuwiex jgħin lin-negozjanti li qed ikollhom telf kbir. Dan minħabba li l-ħwienet tax-xorb u r-ristoranti huma miltuba jagħlqu fis-6.00 ta’ filgħaxija u n-nies huma ordnati jkunu ġewwa sal-10.00 ta’ bil-lejl, b’dak li jsejħulu l-“coprifuoco”,” spjegatilna Lorena. 

Kull post li fih is-soltu jissoċjalizzaw – jiġifieri gyms, swimming pools, ċinema, diskoteki u teatri huma magħluqa. Dan anke fil-każ tal-iskejjel, fejn l-edukazzjoni qiegħda ssir kollha online.

Fil-bidu tal-pandemija żgur li ma kinux ippreparati biex nilqgħu kontra l-Covid-19 tant li rikibna u kaxkarna

Lorena Ciccioni

Hija qalet li Conte qiegħed jagħmel digrieti (D.P.C.M.) b’mod pjuttost faxxist minħabba li t-Taljani jridu jobdu l-istess digrieti inkella jaqilgħu multi kbar jew jintefgħu l-ħabs. L-Italja nqasmet fi tliet kategoriji ta’ riskju b’kuluri ħomor, oranġjo u isfar. 

“Aħna fl-Lazio minħabba li naqgħu taħt il-kategorija safra, m’għandniex daqstant restrizzjonijiet. Il-coprifuoco jordna l-għeluq tal-ħwienet fis-6.00 pm u mill-10.00 pm ‘l hemm ħadd ma jista’ jkun barra għajr għax-xogħol jew bżonn ta’ sptar. Is-Sibt u l-Ħadd kollox huwa magħluq biex ikunu evitati l-ġemgħat. Nistgħu noħorġu biss lebsin il-maskri u biex issir ix-xirja tal-ikel, membru wieħed biss tal-familja jista’ joħroġ. Il-multi huma bejn €500 sa €2,000,” stqarret din it-Taljana.

Lorena Ciccioni, li għadha ma tafx meta u jekk hiex se tkun tista’ tirritorna Malta minħabba l-problemi li kkawża l-Covid-19 f’kull sfera tal-ħajja, temmet tgħid li ħafna nies fl-Italja qegħdin ibatu minn dipressjoni kbira u li hemm ħafna li huma ddisprati għax tilfu x-xogħol. 

Din is-sitwazzjoni preżenti żgur mhix waħda sostenibbli jew eċċezzjoni għall-Italja biss. Bejn il-ġirja sfrenata biex tinstab tilqima effettiva u bejn gvernijiet li jipprovaw isalvaw l-ekonomiji mingħajr ma jpoġġu lin-nies f’riskju għal saħħithom, li huwa żgur li fil-pajjiż ġar tagħna – l-Italja – is-sitwazzjoni ma marritx għall-aħjar. Dan kemm mil-lat ta’ mard imlaqqat mill-Covid-19, kif ukoll mil-lat ekonomiku u soċjali. Nittamaw li fi ftit xhur oħra, Lorena u t-Taljani kollha, jgħaddu kollox b’wiċċ il-ġid u jħallu warajhom dan il-kapitlu ikrah fl-istorja ta’ pajjiżhom, darba għal dejjem.

Sport