Friday, September 12, 2025

L-Italja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja, l-iktar swieq popolari għall-vaganzi t’Awwissu

Aqra wkoll

Hekk kif il-vaganzi tas-sajf laħqu l-qofol tagħhom f’Awwissu, is-suq Taljan kien responsabbli għall-ikbar persentaġġ ta’ passiġġieri (ftit iktar minn 21 fil-mija) li waslu jew telqu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Filwaqt li l-ajruport joffri konnessjonijiet diretti għal 18-il destinazzjoni differenti madwar l-Italja, l-aktar ajruporti Taljani popolari kienu Fiumicino f’Ruma u Fontanarossa f’Catania.

Ir-Renju Unit kien it-tieni l-iktar suq popolari, b’sehem ta’ ftit aktar minn 20 fil-mija. L-aktar ajruport popolari għal dan is-suq kien Gatwick f’Londra; rotta li matul l-iskeda tas-sajf qed tiġi operata minn erba’ linji tal-ajru, li huma British Airways, easyJet, KM Malta Airlines u TUI Airways.

Il-Ġermanja u Franza ġew fit-tielet u r-raba’ post fil-klassifika tal-iktar swieq popolari tal-ajruport, hekk kif iż-żewġ pajjiżi kienu responsabbli għal madwar 8 fil-mija tal-movimenti tal-passiġġieri. Il-prestazzjoni tas-suq Pollakk kompliet titjieb hekk kif mis-sitt post is-sena l-oħra qabeż lil Spanja biex jidħol fl-aqwa ħames destinazzjonijiet għal Awwissu ta’ din is-sena, b’sehem ta’ 7 fil-mija tat-traffiku totali.

It-tkabbir mgħaġġel ta’ dan is-suq irriżulta mit-tnedija ta’ rotot ġodda operati minn LOT Polish Airlines u Ryanair, flimkien ma’ żidiet fil-frekwenza ta’ titjiriet diretti lejn il-Polonja operati kemm minn Ryanair kif ukoll minn Wizz Air.

B’kollox, 1,072,390 passiġġier ivvjaġġaw minn jew lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Awwissu, bl-aktar jum traffikuż jaħbat lejliet il-festa pubblika ta’ Santa Marija, hekk kif ġew irreġistrati 39,082 moviment tal-passiġġieri fl-14 ta’ Awwissu. Il-movimenti tal-ajruplani żdiedu b’5.1 fil-mija fuq l-2024, biex jilħqu total ta’ 6,418 moviment, filwaqt li r-rata tal-okkupanza tal-postijiet fuq it-titjiriet kienet ta’ 91.6 fil-mija, li hija l-ogħla rata ta’ okkupanza li ġiet irreġistrata fl-2025 s’issa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport