L- Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) jixtieq jikkjarifika b’mod ċar li l-każ imsemmi fl- istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ma juri ebda negliġenza jew nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-ITS sabiex jipprovdi edukazzjoni inklużiva.
Fil-fatt, matul dawn l- aħħar xhur, u b’mod partikolari matul is-sena akkademika li għaddiet, l-ITS ħadem bla heda sabiex jidentifika r-riżorsi umani speċjalizzati l-aktar xierqa u li jistgħu joffru l-appoġġ meħtieġ lil dawn it-tliet studenti b’diżabilità.
Saru żewġ sejħiet uffiċjali għal Learning Associates (LAs), biex jiġu identifikati dawk il-persuni kwalifikati u li għandhom il-kompetenzi neċessarji biex joperaw f’ambjent vokazzjonali ta’ tagħlim li jiffoka fuq il-preparazzjoni u s-servizz tal-ikel.
Madanakollu, ir-rispons għal din is-sejħa ma kienx wieħed pożittiv u ma kienx hemm kandidati magħżulin għall-għoti immedjat ta’ dan l-appoġġ. Fil-fatt, bħalissa hemm it-tielet sejħa miftuħa għall-Learning Associates.
Fl-istess waqt, l-ITS wettaq ir-rapporti edukattivi u professjonali kollha meħtieġa inklużi l-assessjar psikoloġiku u edukattiv, ir-rapporti tal-Occupational Therapy, u dawk relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, sabiex jiġi żgurat li s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawn l-istudenti jibqgħu prijorità assoluta.
Wieħed għandu jifhem ukoll li l-kurrikulu offrut fil-kampus tal-ITS f’Għawdex huwa bbażat fuq tagħlim prattiku fil-qasam tal-preparazzjoni u s-servizz tal-ikel, li jinvolvi l-użu ta’ tagħmir professjonali u ambjenti li jistgħu jkunu ta’ riskju jekk ma jkunux konformi mal-protokolli tal-health and safety jew jekk ma jkunx hemm il-livell xieraq ta’ sostenn.
F’dan il-kuntest, l-ITS ilu jaħdem fuq programm ta’ tagħlim alternattiv għal dawn l- istudenti sabiex ikun jista’ jipprovdilhom l-aħjar esperjenza ta’ tagħlim possibli f’livell post-sekondarju, b’ambjent sigur, strutturat u adattat għall-bżonnijiet tagħhom.
L-ITS se jkompli jħaddan b’mod konkret il-prinċipju tal-inklużjoni edukattiva, ujibqa’ impenjat li kull student, irrispettivament mill-abbiltajiet tiegħu, jingħata l-opportunità li jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu f’qafas ta’ rispett, sigurtà uprofessjonalità.
Tajjeb li nfakkru li 10% tal-istudenti ġewwa l-ITS – kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex – jiġu segwiti minn Learning Associates minħabba kundizzjoni konjittiva jew fiżika, liema studenti jsegwu l-istess kurrikulu offrut mill-ITS.
F’każi speċifiċi ta’ diżabilità, fejn il-kurrikulu minimu standard tal-ITS ma jistax jiġi addattat, jinħoloq programm speċjalizzat biex jiġi żgurat li l-istitut iżomm l-ogħlastandards ta’ kwalità u assigurazzjoni fiċ-ċertifikazzjoni maħruġa.

