Saturday, December 21, 2024

L-itwal Sibt

Aqra wkoll

Miktub minn Daniela Attard Bezzina

Il-Ġimgħa, 3 ta’ Frar, 1995. Tard filgħaxija, xi l-10.30, u jien għadni kemm dħalt f’soddti fid-dar t’ommi u missieri Raħal Ġdid. Telgħa u niżla u tasal it-Tarzna, tant li zijuwi, li joqgħod passejn ’il fuq minna u jaħdem hemm, jimxiha kuljum. Theżżiża ta’ ftit sekondi ġġegħelni niddubita jekk seħħx xi terremot jew jekk hix frott l-immaġinazzjoni ta’ min dieħel fl-isbaħ nagħsa. Nagħżel tal-aħħar, u norqod fil-fond. L-għada nqum kmieni u nitlaq għax-xogħol. Nitla’ l-pjazza biex naqbad tal-linja għall-Belt u nieħu qatgħa fi msarni kif ħarsti tistrieħ fuq il-powsters li Carabott tal-gazzetti jifrex quddiem il-ħanut biex iħajjar in-nies jidħlu jixtru ġurnal. Fit-Tarzna ġrat l-ikbar diżgrazzja fl-istorja tagħha u dik it-theżżiża mhux talli ma immaġinajthiex, talli riegħdet il-ħajja ta’ disa’ familji. 

Illum, jien u nqalleb fit-tifkiriet li refa’ moħħi minn dik l-għodwa biex nikteb dawn il-kelmtejn, ma nistagħġibx l-iżjed bil-kobor tal-isplużjoni li seħħet fuq it-tanker Um El Faroud, sorġut għat-tiswija fit-Tarzna, jew bil-kruha tal-konsegwenzi li ftit sekondi jafu jħallu fuq il-ħajja sħiħa ta’ ħafna nies. L-esperjenza tal-ħajja tul 27 sena għandha ħabta dderrik. Dak li jibqa’ jbellahni hu kif minn dakinhar ’l hawn, it-teknoloġija tant dawritilna ħajjitna ta’ taħt fuq li l-mod kif bħala ġurnalisti rrapportajna dik id-diżgrazzja dakinhar, u r-riżorsi li kellna għad-dispożizzjoni tagħna, ma kinux jintgħarfu minn dawk tal-lum.

Dak is-Sibt filgħodu sibt jistennieni editur ħerqan għal storja tajba… u newsroom baħħ. Wieħed miż-żewġ ġurnalisti li kienu fix-xift miegħi inzerta ma jiflaħx u l-ieħor kien bil-frank. F’era meta l-mowbajl lanqas biss konna nafu x’inhu, ma rnexxieli nsib lil ħadd id-dar mill-kollegi li ppruvajt inċemplilhom għall-għajnuna. Ħlief daqsxejn ta’ ġuvnott li kien għadu kemm daħal jaħdem magħna u li kont għadni ma nafx sa fejn kapaċi jasal, imma li dak il-ħin rajtu anġlu. Bilkemm laħaq rifes l-għatba tan-newsroom li l-editur ma qassamniex skont kif deherlu l-aħjar. Lilu bagħtu l-isptar jintervista lill-midrubin u lili – kif bsart u kif bżajt – bagħatni fid-djar tal-vittmi biex nintervista lil tal-familja u nitlobhom ritratt. Ħaġa waħda kienet ċerta – fil-ħarġa tal-għada ta’ It-Torċa ridna npattu għan-nuqqas ta’ tagħrif li kellna f’L-Orizzont ta’ dakinhar minħabba l-ħin tard ħafna li fih kienet seħħet l-isplużjoni.

Ikollok kemm ikollok esperjenza fil-ġurnaliżmu, tibqa’ dejjem taraha bi kbira li tħabbat fuq il-bieb ta’ nies ma tafhomx, u li għadhom kemm tilfu lil xi ħadd għażiż, biex titlobhom intervista u ritratt. (Niftakar li darba l-editur saħansitra bagħatni l-knisja tal-Fgura, waqt quddiesa ta’ funeral ta’ żagħżugħ li miet f’ħabta bil-mutur, biex nara kif nagħmel u nitlob intervista lill-ġenituri għal dik il-lejla stess!) Hija sitwazzjoni sensittiva u delikata li tirrikjedi ħafna minn dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘tact’. U f’dik l-għodwa tas-Sibt, meta ridt inħabbat mhux bieb wieħed imma disgħa, ħassejtni nieqsa għalkollox minn dak it-‘tact’ u mimlija dubji u tensjoni.

Iżda bħalma ġara f’kull okkażjoni fejn l-editur bagħatni nagħmel dil-biċċa xogħol mistkerrha, dakinhar ukoll sibt nies li fehmu x-xogħol ta’ ġurnalist, fetħuli l-bieb, qalgħu r-ritratti mill-gwarniċi, fdawhom f’idejja b’fiduċja li nroddhomlhom lura intatti, u kellmuni dwar dawk li l-lejla ta’ qabel kienu ħarġu għax-xogħol u baqgħu ma ġewx lura. Għadni sal-lum niskanta kif f’waqtiet daqstant koroh, dawn in-nies – ommijiet, missirijiet, ulied u aħwa – bil-ġentilezza kollha ħallewni nintervistahom, u nibqa’ nafhulhom għal dejjem.

Mid-disa’ intervisti li għamilt dakinhar, waħda niftakarha iżjed ċar mill-bqija. Ħabbatt il-bieb – xi mkien fil-Kottonera, ma niftakarx eżatt fejn – u fetħitli l-armla mbikkma ta’ wieħed mill-iżgħar vittmi. Tifla ċkejkna, ta’ xi sena jew sentejn, kienet qed tilgħab fil-kurutur mingħajr l-iċken idea ta’ dak li kien ġara lil missierha. Dak iż-żmien konna niġbdu film ritratti, nieħdu l-film biex jiżviluppawhulna u ndumu xi ġimgħa nistennew ir-ritratti jkunu lesti. Niftakar lil dil-mara turini r-ritratti tal-festin li kienu għamlu f’għeluq snin it-tifla, u li kienu għadhom kemm ġew żviluppati, u tgħidli, hi u tolfoq, li żewġha ma kienx laħaq rahom.

Domt 28 sena ġurnalista, u rrapportajt diżgrazzi oħra kbar u ġurijiet dwar delitti makabri li domna sa tard billejl nistennew il-verdett tagħhom. Imma dak is-Sibt nibqa’ nqisu bħala l-itwal ġurnata xogħol f’dik il-karriera li minkejja kollox ma nibdilha ma’ xejn. Kien jum ta’ emozzjonijiet kbar u kuntrastanti… ta’ sodisfazzjon li jien u sieħbi rnexxielna nġibu l-istorja li xtaq l-editur u li l-għada n-nies xtraw il-gazzetta biex jaqraw dak li ktibna, iżda fl-istess waqt id-diqa għal telfa li ma titkejjilx. L-istess diqa li ħassejt ftit jiem wara, meta l-editur – din id-darba ta’ L-Orizzont – bagħatni nirrapporta l-funeral tad-disa’ vittmi fil-knisja ta’ raħal twelidi.

Jien u nikteb qed naħseb f’dik it-tifla li llum min jaf kemm kibret u f’dawk ir-ritratti li issa aktarx tilfu ftit minn lewnhom biż-żmien; f’zijuwi, illum irtirat u mgħobbi bis-snin, li ftit wara t-traġedja niftakar li lmaħtu jittawwal, bħal donnu ma jridx jemmen ’l għajnejh, lejn il-gverta sfrundata tal-Um El Faroud u qalbi ma tatnix li mmur intellfu minn ħsibijietu; fit-tanker misħut innifsu, li llum ironikament sar attrazzjoni għall-bugħaddasa f’qiegħ il-baħar; u fit-Tarzna, issa dell kiebi ta’ dak li kienet qabel, fejn fid-daħla għadek tista’ tara l-mafkar bil-kliem “Il-ħaddiem li bix-xogħol joħloq, ma jmut qatt.” 

Ekonomija

Sport