Sunday, December 22, 2024

L-Iżrael iħejji offensiva kbira fuq il-belt ta’ Rafah

... Twissija ċara mill-Istati Uniti lill-Iżrael

Aqra wkoll

L-għebusija ta’ ras il-mexxejja ta’ Iżrael qed twassal biex tbiegħed iktar il-waqfien mill-ġlied u l-paċi fil-Lvant Nofsani. Dan wassal ukoll lill-Istati Uniti twissi lill-Iżrael li offensiva militari mingħajr ippjanar xieraq fil-belt ta’ Rafah fin-nofsinhar ta’ Gaża toħloq diżastru għall-ħajja ċivili u n-nies innoċenti.

Madwar 1.5 miljun Palestinjan qed jgħixu fil-belt ta’ Rafah li tmiss mal-Eġittu, f’kundizzjonijiet umanitarji koroh tant li l-White House qalet li mhux se tappoġġja operazzjonijiet kbar mingħajr konsiderazzjoni xierqa għar-refuġjati hemmhekk.

L-Istati Uniti għamlet din it-twissija jiem wara li l-prim ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu qal li ordna lill-militar biex jipprepara għal offensiva f’Rafah.

Il-biċċa l-kbira tan-nies li hemm f’din il-belt ġew spostati minħabba l-ġlied f’partijiet oħra ta’ Gaża u qed jgħixu fit-tined.

L-Iżrael ibbumbardja partijiet ta’ Rafah mill-ajru l-Ħamis filgħodu u t-tankijiet Iżraeljani allegatament fetħu n-nar ukoll.

Garda al-Kourd, omm ta’ żewġt itfal, li kienet ġiet spostata mill-inqas sitt darbiet u li kienet qed tgħix f’dar ta’ qarib f’Rafah ma’ 20 persuna oħra qalet lill-BBC li kienet qed tibża’ minn attakk Iżraeljan fuq Rafah u stqarret li jekk l-offensiva sseħħ ikun it-tmiem għalihom għax m’għandomx post ieħor fejn imorru.

Il-biċċa l-kbira tat-Tramuntana u ċ-ċentru ta’ Gaża spiċċaw imġarrfa minn bumbardamenti Iżraeljani minn meta bdiet il-gwerra fis-7 ta’ Ottubru li għadda.

Nhar il-Ħamis filgħaxija, mingħajr ma rrefera għal Rafah, il-President Amerikan Joe Biden qal li l-azzjonijiet ta’ Iżrael f’Gaża kienu “over-top”. Iktar kmieni, il-kelliem tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti John Kirby qal li l-militar Iżraeljan għandu obbligu speċjali li waqt operazzjonijiet militari jiżgura l-protezzjoni għall-ħajja ċivili u innoċenti.

Waqt li kien qed jitkellem fil-belt Iżraeljana ta’ Tel Aviv, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken qal li kull operazzjoni militari li jagħmel Iżrael jeħtieġ li tpoġġi liċ-ċivili l-ewwel u qabel kollox… speċjalment fil-każ ta’ Rafah.

Huwa rari li l-gvern tal-Istati Uniti, alleat ewlieni u sostenitur militari ta’ Iżrael, jwissi dwar kwalunkwe stadju li jmiss tal-offensiva militari ta’ Iżrael f’Gaża, iżda din kienet twissija ċara.

Washington jibgħat madwar $3.8 biljun f’għajnuna militari lill-Iżrael kull sena, li jagħmel il-pajjiż l-akbar riċevitur fid-dinja ta’ tali fondi.

Madwar 1,300 persuna nqatlu waqt l-attakki tal-Ħamas fin-Nofsinhar ta’ Iżrael fis-7 ta’ Ottubru, skont uffiċjali Iżraeljani.

Aktar minn 27,800 Palestinjan inqatlu diġa u mill-inqas 67,000 oħra sfaw midruba mill-gwerra mnedija minn Iżrael bħala reazzjoni, skont il-ministeru tas-saħħa mmexxi mill-Ħamas. Eluf ta’ Palestinjani qegħdin jgħixu f’xelters iffullati żżejjed, f’kundizzjonijiet mhux sanitarji, mingħajr ilma ġieri, elettriku u provvisti ta’ ikel adegwati. 

Is-Segretarju Ġnerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterrez sostna li l-UN kienet ċara fil-kundanna tal-atti orribbli tal-Ħamas u l-istess kienet ċara li tikkundanna il-ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali f’Gaża.

Nhar it-Tlieta, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li kien ordna lit-truppi biex “jippreparaw biex joperaw” f’Rafah u li “rebħa totali” ta’ Iżrael fuq il-Ħamas kienet ftit xhur ‘il bogħod.

Ekonomija

Sport