Thursday, August 21, 2025

L-Iżrael jitlob għall-ħelsien tal-ostaġġi kollha f’Gaża

Aqra wkoll

“L-Iżrael qed jitlob il-ħelsien tal-50 ostaġġ kollha miżmuma f’Gaża,” sostna uffiċjal Iżraeljan filwaqt li tefa’ dubju dwar jekk hux se jkunu qed jaċċettaw proposta ġdida għal waqfien mill-ġlied ta’ 60 jum li l-Ħamas qabel magħha nhar it-Tnejn.

Il-proposta, imressqa mill-Qatar u l-Eġittu, se tara l-ħelsien ta’ madwar nofs l-ostaġġi u hija “kważi identika” għall-proposta tal-Istati Uniti li Iżrael kien aċċetta qabel, skont il-Qatar.

Iżrael ma ċaħadhiex b’mod sħiħ, iżda l-kelliem tal-gvern Iżraeljan David Mencer qal lill-BBC li mhuwiex interessat fi “ftehimiet parzjali”. “L-affarijiet inbidlu issa. Il-Prim Ministru fassal pjan għall-futur ta’ Gaża,” qal Mencer.

Sorsi Palestinjani li tkellmu mal-midja internazzjonali qalu li l-proposta kienet tinkludi li jingħataw lura 10 ostaġġi ħajjin u 18 oħra mejtin waqt li ż-żewġ naħat jinnegozjaw waqfien permanenti mill-ġlied u r-ritorn tal-bqija tal-ostaġġi.

Iżrael jemmen li hemm biss 20 mill-50 ostaġġ li għadhom ħajjin wara 22 xahar ta’ gwerra.

Aktar tard din il-ġimgħa, il-kabinett Iżraeljan mistenni japprova l-pjan militari biex jokkupa l-Belt ta’ Gaża, fejn l-attakki Iżraeljani qed jiħraxu u diġà wasslu eluf ta’ nies biex jaħarbu.

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu ħabbar l-intenzjoni ta’ Iżrael li jieħu l-kontroll sħiħ ta’ Gaża, inklużi ż-żoni fejn ħafna mir-residenti Palestinjani, li jammontaw għal 2.1 miljun, qed ifittxu kenn u dan wara li waqfu ħesrem it-taħditiet indiretti mal-Ħamas dwar ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ix-xahar li għadda.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport