Friday, November 15, 2024

L-IŻVILUPP EĊĊESSIV QED IĦASSAR IL-KARATTERISTIKA TAL-GŻEJJER TAGĦNA?

Aqra wkoll

Filli tara binja tpaxxi l-għajnejn u filli f’daqqa waħda tara minflokha blokka konkos. Blokok kontra blokok, jaqblu u ma jaqblux mal-estetika tal-madwar, basta ndaħħlu kemm jista’ jkun appartamenti. Dan l-iżvilupp qed iħassar l-ambjent u jbiddel il-karatteristika ta’ kif nafu lill-gżejjer tagħna f’waħda degradanti. Speċjalment fejn isiru żviluppi li jħassru s-sbuħija, li jmorru kontra kull disinn, aspett u karatteristika. 

Kif jgħidu l-progress xi kultant jinbidel rigress. L-akkomodazzjoni aħjar, l-edukazzjoni u ħafna opportunitajiet għall-popolazzjoni, apparti l-ġid li qed joħolqu, xi drabi qed iwasslu wkoll għal rigressjoni, hekk kif qed tintilef kull rabta bejn in-nies u n-natura.

Qegħdin nitilfu, jekk mhux diġa tlifna kull idea tar-raħal tradizzjonali Malti, li kien jagħtina ċertu valur u identità. L-idea tan-nies jiltaqgħu fil-pjazza jew il-ġirien fil-parapett tad-djar wara ġurnata xogħol, speċjalment matul il-ġranet sajfin, jirrilassaw u jgħidu kelma, filwaqt li t-tfal jilagħbu saret biss memorja. Kemm minħabba l-istruttura tal-bini tal-lum il-ġurnata kif ukoll il-volum ta’ karozzi. 

Minn gżejjer tant sbieħ, b’uħud mill-irħula maqtugħin minn xulxin, b’qatgħat ta’ għelieqi, sirna ħaġa qisna belt waħda, miżgħuda bil-bini, mingħajr bilanċ. Issa wasalna saħansitra f’punt li anke Għawdex qed jinbidel u qed jiġu aċċettati l-atroċitajiet fl-iżvilupp. Se nispiċċaw b’aktar bini milli art naturali. Jekk jiġri dan, allura l-art tagħna l-Maltin se tkun inqerdet, anki minkejja l-isforzi kollha li qed isiru għal aktar spazji miftuħa.

L-industrija tal-kostruzzjoni qed twassal għal degradazzjoni tal-ambjent u l-inħawi naturali f’ħafna modi, li jinkludu tibdil fil-klima, konsum tal-enerġija, storbju, tniġġis tal-arja u tal-ilma.

Dan kollu jirrifletti s-sens ta’ egoiżmu sfrenat minn uħud, li qatt ma jaċċettaw is-sitwazzjoni preżenti tagħhom u jifirħu b’dak li jkollhom, iżda dejjem iridu aktar. Il-kilba sa hemm twassal.

Mingħajr dubju, l-impatt ambjentali tal-kostruzzjoni huwa wieħed fost l-akbar kwistjonijiet inkwetanti tas-soċjetà tagħna llum. Madankollu, l-awtoritajiet qed ifittxu li jagħmlu bidliet pożittivi biex inaqqsu l-effetti negattivi tal-kostruzzjoni u jipproteġu l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri. Iżda jidher li mhux biżżejjed! Hekk kif dan kollu qed iwassal għal telqa, ħmieġ, trabijiet, storbju, inġenji kbar kull fejn tħares, toroq magħluqin u mkissrin bl-inġenji kbar li jgħaddu minnhom.

Quddiem dan kollu jeħtieġ soluzzjonijiet urġenti. Soluzzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar iwaqqfu d-degredazzjoni tal-karetteristika unika tal-gżejjer tagħna.

Ekonomija

Sport