Monday, November 4, 2024

L-IŻVILUPP … MIN GĦANDU RAĠUN?

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem is-sit ta’ dan il-ġurnal Talk.mt kien qiegħed jaħdem fuq l-ewwel programm ta’ diskussjoni bl-isem ta’ STREET TALK li se jkun qiegħed jitratta l-iżvilupp. Mill-programm li se jkun qiegħed joħroġ illum irriżultaw diversi opinjonijiet varji dwar din it-tema speċjalment perspettivi opposti fejn tidħol l-ekonomija u l-kontribut tas-settur, il-ħaddiema Maltin u barranin fis-settur u l-interessi tagħhom, il-perċezzjoni tal-ħaddiema Maltin, l-ispazju li għandu jinbena u dak li m’għandux ikun hemm biss ħsieb li jiġi mittiefes u ħafna iktar.

Nemmnu li bla ebda dubju li jekk kemm-il darba jkun hemm pjan strateġiku fejn ikun hemm diskussjoni serja madwar il-mejda, pajjiżna għad għandu tama li jibqa’ attraenti u filwaqt li nkomplu ndawru r-rota ekonomika li fl-aħħar snin qabdet ritmu tajjeb minkejja sfidi kbar internazzjonali, inkomplu noħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol diċenti għall-Maltin u l-Għawdxin.

Mhux biss, nemmnu li bi pjan stateġiku nistgħu mmorru lejn fażi oħra fejn Maltin f’dan is-settur ma jibqgħux jitkellmu dwar impjiegi iżda jibdew jaspiraw għal karrieri.

Filwaqt li nirrikonoxxu l-kuraġġ tal-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi li wara 150 sena ddeċieda li jagħmel il-pass kuraġġjuż li l-kuntratturi jiġu liċenzjati, liema deċiżjoni l-iżviluppaturi laqgħu u qalu li hija l-ewwel tarġa lejn riformi ikbar biex f’pajjiżna jkollna rendikont mhux biss tal-ħaddiema li jagħmlu xogħlijiet varji f’dan is-settur, iżda fl-istess waqt niggarantixxu li jiżdied il-livell tax-xogħol tagħhom.

Rigward il-ħaddiema barranin u l-fatt li dawn huma mħallsin pagi tajbin ħafna nemmnu li din kienet dikjarazzjoni pjuttost tqila biex tiġi mixtarra anke fid-dawl ta’ ċertu ħaddiema li mhux biss għadhom qegħdin jiġu sfruttati, iżda saħansitra li hemm dubju fuq il-kwalità tax-xogħol tagħhom minħabba li minħabba domanda qawwija, l-ispezzjonijiet fuq ċertu illegalitajiet s’issa għadhom mhux iħallu l-frott mixtieq.

Rigward il-wiċċ l-ieħor tal-munita nemmnu li ż-żmien tal-iskjavitu f’dan is-settur spiċċa jew jekk stess għadna ma wasalniex f’dak l-istadju, l-abbużi naqsu ferm. Dan minħabba li tant hawn domanda, li l-iżviluppaturi nfushom spiċċaw iduru għall-ħaddiema ta’ xulxin u lesti joffru pagi aħjar lil dawk il-ħaddiema li għandhom l-esperjenza u aktar minn hekk, xewqa li jitgħallmu.

Fejn tidħol dik li fil-midja qiegħda tiġi mpenġija bħala l-ġlieda bejn l-ambjentalisti u l-iżviluppaturi nemmnu li għandu jkun hemm iżjed regoli ċari fejn anke minħabba l-entitajiet varji fis-settur li bħal donnhom b’mod mhux intenzjonat ikomplu jfixklu lill-iżviluppatur li fl-aħħar mill-aħħar huwa investitur.

Nemmnu bis-sħiħ li r-rebħa m’għandha tkun ta’ ħadd ħlief tal-poplu Malti u Għawdxi bħala Nazzjon u għalhekk filwaqt li nirrikonoxxu l-bżonn li jinħolqu iżjed postijiet għall-ġenerazzjonijiet li tilgħin jeħtieġ li l-ebda żviluppatur, żgħir, kbir jew ġgant, ma jagħmel il-mażżra m’għonq kulħadd bil-ħsieb li jħaxxen bwietu.

F’dawn il-każi huwa inevitabbli li l-awtoritajiet jaraw li jkollhom ponn tal-ħadid kontra dak l-iżvilupp li b’xi mod jew ieħor jista’ jkun ta’ deterrent għall-bqija taċ-ċittadini. Tajjeb li niftakru kif lura fi żmien il-pandemija, ħafna tathom rashom meta ma setgħux isibu post għal skopijiet rikreazzjonali u r-raba’ bdiet tiġi mfittxija daqt il-ħobż!

Sport