Monday, March 16, 2026

L-IŻVILUPP TAL-PARLAMENT EWROPEW

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew jibqa’ wieħed mill-istituzzjonijiet l-aktar importanti tal-Unjoni Ewropea. Kien fid-19 ta’ Marzu tal-1958 meta l-Assemblea Parlamentari Ewropea żammet l-ewwel sessjoni tagħha fi Strasburgu, Franza. Dan huwa kkunsidrat bħala t-twelid tal-Parlament Ewropew. F’din is-sessjoni dakinhar kien tkellem Robert Schuman, li kien ukoll elett bħala l-ewwel President tal-Assemblea.

Bdiet b’142 delegat minn sitt nazzjonijiet u minn dakinhar ’il quddiem kompliet tikber u tiżviluppa f’waħda mill-akbar istituzzjonijiet demokratiċi. Tant hu hekk li llum, il-Parlament Ewropew huwa kompost minn 720 membru eletti direttament bil-vot taċ-ċittadini minn madwar 27 pajjiż imsieħba fl-Unjoni Ewropea.

Dan kollu jwassalna biex nieqfu u nirriflettu l-importanza li għandu l-Parlament Ewropew illum u x’effetti jħallu ċertu liġijiet fuq iċ-ċittadini u x’għanijiet komuni jridu jaħdmu għalihom il-Membri Parlamentari Ewropej. 

Iżda fuq kollox, illum il-ġurnata, il-Parlament Ewropew jilgħab rwol kruċjali fit-tfassil tal-futur tal-Ewropa billi jirrappreżenta liċ-ċittadini f’dawk id-deċiżjonijiet li huma l-aktar importanti. Dan ukoll b’mod partikolari fil-kuntest tas-sitwazzjoni ġeopolitika ta’ bħalissa. Fil-fatt, ir-riżultati li ħarġu mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobametru tal-Parlament Ewropew, juru li l-iżviluppi globali qed jinkwetaw liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Ma’ dawn hemm ukoll kwistjonijiet oħra li jikkonċernaw is-sigurtà. 

Fuq livell lokali, pajjiżna għandu rabta mal-Parlament Ewropew mhux biss bħala membru sħiħ tal-UE imma wkoll billi l-President tal-Parlament Ewropew hi Maltija. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti ta’ pajjiżna fil-PE dejjem ħadu sehem attiv f’dak kollu li jiġi diskuss f’din l-istituzzjoni u anke f’kumitati li joħorġu minnha. 

Bil-ħila ta’ Membri Parlamentari Ewropej Maltin, iddaħħlu miżuri li kellhom u għandhom effett pożittiv fuq iċ-ċittadini fosthom iċ-charger komuni u d-Direttiva dwar ir-Right to Disconnect flimkien ma’ għadd ta’ inizjattivi oħra li jolqtu setturi varji fosthom dawk relatati mal-ivvjaġġar u t-turiżmu u anke l-istrateġija għar-reżiljenza tal-ilma. Dan minbarra l-interventi li jsiru fejn jagħmlu pożizzjonijiet tagħhom ċari anke dwar pożizzjonijiet li jkunu tressqu minn MPEs oħra. 

Għaldaqstant, din l-istituzzjoni għandha tassigura li tibqa’ taħdem b’kull mezz sabiex mhux biss tibqa’ rilevanti, imma wkoll tkompli tindirizza dak li jkun qed jiġi mitlub miċ-ċittadini tal-pajjiżi rispettivi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport