L-Ombudsman dwar permess ta’ żvilupp tal-Gillieru f’San Pawl il-Baħar
Minn Victor Vella
Applikazzjoni ta’ żvilupp fuq sit f’San Pawl il-Baħar, liema applikazzjoni hi tal-Gillieru spiċċat quddiem l-Ombudsman u dan minħabba l-ammont ta’ kiber dan l-iżvilupp fuq dan is-sit prominenti f’San Pawl il-Baħar, biswit il-kappella storika ta’ San Pawl tal-Ħġejjeġ. L-Ombudsman, intalab jinvestiga u hu kkonkluda li “minn investigazzjoni tal-każ irriżulta li għalkemm l-applikant tax-xogħlijiet imsemmija kellu “no-objection in principle” mingħand l-Awtorità tal-Artijiet sabiex jagħmel l-iżvilupp imsemmi, irriżulta li l-iżviluppatur m’għandux titolu validu fuq partijiet suġġetti għall-permess tal-iżvilupp bin-numru ta’ referenza PA/00694/18.”
L-istess Ombudsmand iddikjara li “għalkemm l-Awtorità tal-Artijiet avżatna li ser tieħu l-azzjonijiet xierqa, dan l-Uffiċċju ser jibqa’ jsegwi l-każ biex jara li dawn l-azzjonijiet jittieħdu.”
L-ittra ta’ ilment
L-ORIZZONT għandu f’idejh l-ittra ta’ ilment li saret lil Ombudsman. L-ittra tgħid li “jekk mhux sejjer żball, fis-sittinijiet il-Gvern kien ta permess li jibena restorant fuq maħraġ [peninsola] fejn il-lum hemm ir-ristorant Gillieru f’San Pawl il-Baħar; dan minkejja l-għidut li kien hemm fdalijiet ta’ qabar Puniku fuq dak il-maħraġ. Malli ħareġ il-permess, fiġġet katina li għalqet l-art kollha tal-maħraġ, mhux biss fejn kellu jinbena r-ristorant u għal fejn fil-fatt kien ingħata permess. L-agħa li qamet wasslet biex din il-katina titneħħa u l-bini seħħ biss fejn suppost.
Mela ftit jiem wara l-elezzjoni tas-sena 2013 fiġġu tankijiet kbar tal-gass fuq ix-xatt maġenb dan ir-ristorant f’dik li jien dejjem għaddejt kienet art publika. Dal-gass jista’ jisplodi, kien f’xatt fejn kienu joqogħdu jixxemxu n-nies u jidħlu l-karozzi, ukoll biex jipparkjaw u kienu jiġu xi laneċ żgħar jgħabbu l-passiġġieri. Kont ktibt u xandart fuqu u għarraft ukoll lil Flimkien għall-Ambjent Aħjar u dawn qaluli li talbu tagħrif lid-Dipartiment tal-Artijiet tal-Gvern li milli jidher qatt ma wieġeb.”
L-ilment jisħaq li “sal-lum għadna ma nafux jekk din l-art ingħatatx mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi jew mill-Gvern ta’ Joseph Muscat, jekk inxtratx, jekk ħarġitx talba għall-offerti, jekk dan il-gass hux perikoluż fejn jinsab għal min juża x-xatt u iktar u iktar meta qribu jkun hemm karozzi bil-petrol u diżil. Ma għarrfuna xejn, bħall-Armier. Talinqas dawn iċ-ċilindri, wara li ġbidt l-attenzjoni għalihom, iddawru bi speċi ta’ gallinar u twaħħlet tabella magħhom li tixhed il-periklu tagħhom.
L-ilment ikompli jgħid li “mela dan jidher li ma kienx biżżejjed għax fil-bidu tal-2018, f’daqqa waħda, sar żvilupp ieħor. Qishom tĦaffru jew inbnew xi kmamar taħt l-art u għola ‘terazzin’ b’bosta piedi li jagħlaq il-veduta u joħnoq il-mixja minn xatt għall-ieħor. Hawn l-istess, m’inix ċert jekk dat-‘terazzin’ li għola kienx fuq art proprjetà tal-Gillieru jew kellu biss permess joħroġ l-imwejjed fl-inħawi. Meta tkun ġej minn San Pawl il-Baħar kont issib ma wiċċek ħajt għoli li qatt ma kien hemm. Ħafna minn din l-art li sar xogħol fuqha, jien dejjem kien mingħalija li kienet art tal-Gvern. Jista’ jkun li jien imqarraq. Nitolbok tinnota wkoll dak il-garaxx li hemm kif kien jidher fil-2018.”
Tisħaq li “issa waqt li konna magħluqin bil-virus Corona reġa’ sar iktar żvilupp. F’daqqa waħda l-art għoliet kollha u mhux fejn kien hemm it-terazzin biss, biex titla’ trid titla’ ħmistax-il tarġa minflok xi sitta li kien hemm qabel, it-terazzin firex u ħareġ fuq art quddiem il-garaxx u bela’ l-ispazju li kien hemm bejn it-tarag l-antik u l-gass. qalb il-pubbliku u ma nafx hemmx kmamar/maħżen kbir taħt dan kollu. Issa jista’ jkun li qed nitqarraq, iżda din kollha mingħalija kienet art tal-Gvern. Jekk ċittadin xi ftit batut kien ikaxkax fil-mixja u jitqandel is-sitt tarġiet ta’ qabel biex jimxi max-xatt, issa jaqta’ qalbu bi jitla’ ħmistax-il tarġa. Ix-xatt, kif tista’ tara mir-ritratti, ftit ftit qiegħed jinbela’ u jgħib u ħadd ma jaf kif. U jekk ċittadin jiftaħ tieqa pulzier iktar iwaqqgħulu d-dar jew jekk bil-madum għoli sas-saqaf ikun nieqes b’pulzier jixorbulu demmu u jekk isaqqaf parti ċkejkna minn bitħa tiegħu, isallbuh”.