Sunday, June 22, 2025

L-KONTENITURI GĦALL-BCRS TAL-ANZJANI U PERSUNI BIL-BLUE BADGE JISTGĦU JIBDEW JINĠABRU MINN DJARHOM

Aqra wkoll

Mill-1 ta’ Lulju li ġej se jitnieda proġett pilota li se jkun estiż f’20 lokalità fejn anzjani li għandhom ’il fuq minn 60 sena u dawk li għandhom il-blue badge, minflok imorru huma ħdejn il-magni tal-BCRS biex jirriċiklaw il-kontenituri tax-xorb, se jkollhom il-faċilità ta’ vannijiet speċjalizzati li meta ċċemplilhom jagħtuk id-data u l-ħin ta’ meta jiġu jiġbrulek huma dawn il-fliexken u jagħtuk il-vawċer.

Dan tħabbar mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt sessjoni ta’ djalogu mtella’ mill-Partit Laburista bl-isem ta’ “Room4Ideas”, li ffokat fuq l-ambjent fis-sens wiesgħa tiegħu. Ipparteċipaw f’din id-diskussjoni wkoll Dr Rachel Scicluna – Antropologa u Chairperson tal-Guardian of Future Generations, u Prof. Reuben Paul Borg – Perit u Lettur fil-Fakultà tal-Ambjent Mibni fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Dwar l-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb, il-Prim Ministru spjega li f’dawn l-aħħar ġimgħat tkellmu b’mod ċar ma’ min iħaddem din l-iskema u ġie spjegat lilhom li għal dan il-Gvern, l-ewwel li jiġi l-poplu u “għax konvinti mill-importanza tal-iskema, issa se nagħmlu passi ġodda.”

Kien hawn fejn Dr Abela tkellem dwar l-imsemmi proġett pilota li se jitnieda mill-bidu ta’ Lulju li ġej u qal li se jkunu qegħdin idaħħlu “dan l-element ta’ raġonevolezza u konvenjenza li nemmen li huwa dovut lill-poplu tagħna”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport