Il-Kulleġġ St Edward, li jinsab taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, ġie trasferit b’titolu ta’ enfitewsi temporanja għall-perjodu ta’ ħamsa u sittin sena. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-pass jassigura stabbiltà fit-tul għal din l-istituzzjoni edukattiva prestiġjuża, filwaqt li jippermetti aktar investiment fil-faċilitajiet u fl-iżvilupp kontinwu tagħha.
Il-Kulleġġ St Edward huwa wieħed mill-iskejjel l-aktar stabbiliti u rispettati f’Malta. Jinsab fil-Birgu u twaqqaf fl-1929 bil-għan li jipprovdi edukazzjoni ta’ livell għoli. Din l-istituzzjoni edukattiva privata tilqa’ 670 student, toffri edukazzjoni mill-primarja sas-sekondarja, u tinkludi wkoll sistema fejn studenti li għandhom ħdax-il sena u aktar jistgħu jgħixu fil-kulleġġ matul is-sena skolastika.
Illum, il-kulleġġ jilqa’ fih studenti minn 38 pajjiż differenti, fatt li jkompli jsaħħaħ il-karattru internazzjonali ta’ dan il-kulleġġ. Kulleġġ li huwa magħruf għad-dixxiplina, il-valuri sodi u l-impenn lejn l-iżvilupp olistiku tal-istudenti.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-ftehim tal-lum, għal perjodu ta’ ħamsa u sittin sena, huwa ferm aktar minn pass amministrattiv, imma huwa wkoll investiment ċar u intenzjonat fl-istabbiltà, fil-kontinwità u, fuq kollox, fil-futur tal-edukazzjoni f’pajjiżna.
“Dan il-ftehim jipprovdi ċ-ċertezza fit-tul meħtieġa biex il-Kulleġġ ikun jista’ jippjana ’l quddiem b’fiduċja, jinvesti fil-faċilitajiet tiegħu u jkompli jevolvi skont il-ħtiġijiet edukattivi taż-żminijiet tal-lum,” saħaq Dr Abela.
Dr Abela nnota kif f’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna saru investimenti bla preċedent fis-setturi kollha tal-edukazzjoni. Intlaħqu ħames ftehimiet settorjali li jkopru l-iskejjel tal-Istat, l-iskejjel tal-Knisja u l-iskejjel indipendenti, u dan l-aħħar intlaħaq ukoll ftehim ieħor importanti għall-istaff akkademiku fl-Università ta’ Malta. Issaħħaħ ukoll l-appoġġ mill-Gvern għall-iskejjel indipendenti, filwaqt li ġie rrikonoxxut aktar l-irwol vitali li għandhom fl-ekosistema edukattiva tagħna. Permezz ta’ inizjattivi oħra, fosthom l-investiment ta’ €27 miljun mifrux fuq ħames snin, il-Gvern qed jassigura li dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jkomplu jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità, filwaqt li jibqgħu aċċessibbli u sostenibbli.
“Dawn l-investimenti qed iħallu riżultati konkreti. L-edukaturi qed jirċievu r-rikonoxximent li jixirqilhom permezz ta’ kundizzjonijiet aħjar, allowances marbuta mal-kwalifiki tagħhom, u aġġustamenti ġusti għax-xogħol li jwettqu. Fl-istess waqt, l-istudenti qed jibbenefikaw minn ambjenti ta’ tagħlim modern, adegwat u attrezzat sew”, qal il-Prim Ministru.
Huwa rrimarka li bħala pajjiż qed immexxu ’l quddiem l-edukazzjoni diġitali u nsaħħu l-enfasi fuq is-suġġetti STEM, biex niżguraw li Malta tibqa’ fuq quddiem nett fl-innovazzjoni, fl-iżvilupp u fil-progress.
“Fil-qalba tal-Viżjoni Malta 2050 hemm impenn ċar u b’saħħtu: li npoġġu l-edukazzjoni fil-qalba tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku fit-tul ta’ pajjiżna, u nirrikonoxxuha bħala l-mutur ewlieni għal aktar opportunitajiet, aktar innovazzjoni u kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd,” sostna il-Prim Ministru Robert Abela.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Kultura, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li dan it-trasferiment huwa pass importanti biex jiġi assigurat li istituzzjoni ta’ valur storiku u edukattiv bħall-Kulleġġ St Edward’s tkompli tissaħħaħ u tħares lejn il-futur b’kunfidenza. Huwa sostna li dan il-ftehim jagħti l-pedamenti meħtieġa biex il-kulleġġ ikompli jinvesti fil-kwalità tal-edukazzjoni u fil-benesseri tal-istudenti tiegħu, filwaqt li jħares il-wirt storiku uniku tiegħu.
L-istorja ta’ dan il-kulleġġ tmur lura għall-1878, meta oriġinarjament inbena bħala l-Isptar Militari tal-Kottonera, iddisinjat fuq stil ta’ arkitettura militari Ingliża u marbut ma’ pjanti attribwiti lil Florence Nightingale. Dan il-bini kellu rwol importanti matul l-Ewwel Gwerra Dinjija u kkontribwixxa biex Malta kisbet it-titlu ‘L-Infermiera tal-Mediterran’. Fl-1929, l-isptar ġie kkonvertit f’skola, u minn dakinhar ’l hawn il-kulleġġ kompla jespandi u jiżviluppa, inkluż permezz ta’ faċilitajiet edukattivi u sportivi moderni li jikkumplimentaw il-wirt storiku tiegħu.
It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, flimkien mar-rappreżentanti tal-Kulleġġ St Edward.

