Sunday, December 22, 2024

L-MBSA terġa torganizza l-kampjonati tal-Juniors

Aqra wkoll

Wara pawsa ta’ diversi snin mill-kampjonati nazzjonali tal-Juniors tas-Snooker, matul dan is-sajf il-Malta Billiards and Snooker Association fl-Akkademja tas-Snooker il-Ħamrun organizzat il-Kampjonat tal-Juniors li kien mifrux fuq erba’ kategoriji differenti sabiex tfal u żgħażagħ minn etajiet diversi setgħu jieħdu sehem.

Fil-passat l-Assoċjazzjoni nediet dawn il-kampjonati għal numru ta’ kategoriji ta’ etajiet differenti iżda din is-sena ġiet introdotta kategorija għal dawk ta’ taħt it-12-il sena li fiha ħadu sehem l-akbar numru; ħafna minnhom tfal li jattendu l-kors tal-coaching organizzat mill-MBSA flimkien ma’ SportMalta. Barra din il-kategorija saru kampjonati għal dawk taħt-il 21 sena, taħt it-18-il sena u taħt is-16-il sena. Bħala total ġew irreġistrati b’kollox 28 player u kull parteċipant kellu ċ-ċans li jieħu sehem f’aktar minn kategorija waħda, saħansitra kien hemm min daħal biex jikkompeti fi tliet kategoriji differenti.

F’kull kategorija l-finali kienu kważi kollha bilanċjati tant li tnejn minnhom kienu deċiżi bl-aħħar frame. Tliet finali saru fuq l-aħjar minn ħames frames filwaqt li dik ta’ taħt-il 21 sena kellha format tal-aħjar minn seba’ frames. F’din il-kategorija Steven Muscat rebaħ lil Matthew Spiteri 4-2. L-istess Spiteri kkontesta wkoll il-finali ta’ taħt it-18-il sena fejn tilef kontra Luke Pace bil-punteġġ ta’ 3-1.

Fiż-żewġ klassijiet taż-żgħar, Nick Muscat, li jiġi ħu Steven ir-rebbieħ tal-finali ta’ taħt-il 21 sena, kien finalist fiż-żewġ kategoriji. F’dik ta’ taħt is-16-il sena rebaħ kontra Xavier Rizzo 3-2 iżda tilef il-finali ta’ taħt it-12-il sena. Din il-kategorija ġiet mirbuħa minn Adam Pace bil-punteġġ ta’ 3-2. Pace li kien l-iżgħar kontestant f’dan il-kampjonat ħa sehem f’din il-kategorija biss u għad għandu 7 snin. Huwa wkoll wieħed mit-tfal li jattendi għal kors ta’ coaching fl-akkademja.

Ekonomija

Sport