Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici ħabbar il-pubblikazzjoni tal-prospectus ġdid tal-MCAST għas-sena akkademika 2020/2021 waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “L-MCAST dejjem ipprovda edukazzjoni li tmur lil hinn mill-kurrikulu tal-klassi bl-opportunità li jinkisbu kwalifiki rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. Programmi ġodda ta’ studji u ta’ taħriġ jiġu kontinwament miżjuda mal-lista ta’ korsijiet offruti sabiex l-għan jibqa’ li jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-istudenti individwali li jkunu qed isegwu korsijiet fil-livelli differenti waqt li jiġi assigurat li kull student ikollu l-possibbiltà li jimxi għal korsijiet ta’ livelli ogħla mingħajr diffikultà. B’iktar minn 190 kors full-time għal iżjed minn 7,000 student full-time u 4,500 student part-time, hu ċar li l-MCAST kiber ħafna u saru passi ta’ ġgant għall-benefiċċju tal-istudenti. B’hekk nixtieq ninkoraġġixxi iżjed persuni jagħżlu din il-karriera għaliex hi tassew waħda ta’ sodisfazzjon.”
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Francis Fabri enfasizza li, “Il-Kulleġġ għamel kisbiet sinifikanti bis-saħħa tal-impenn tal-istaff u tal-edukaturi. Anke fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, l-MCAST kompla bit-tagħlim onlajn u bi programm effettiv sabiex l-istudenti kollha, fil-livelli kollha, jingħataw laptop u aċċess tal-internet biex ikunu jistgħu jsegwu l-lezzjonijiet onlajn mid-dar. L-MCAST qed ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala katalist importanti għad-dinja tax-xogħol f’Malta”.
Il-Prinċipal u CEO, il-Professur James Joachim Calleja, spjega li l-prospectus juri l-firxa ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim filwaqt li juri l-vuċi u l-kreattività tal-istudenti. “Dan il-prospectus il-ġdid, b’disinn u b’fotografija tal-istudenti u tal-letturi tagħna stess fi ħdan l-Istitut għall-Arti Kreattiva, hu espressjoni tal-ambjent mimli ħajja li l-Kulleġġ ħoloq f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Fl-MCAST, aħna kburin li noffru esperjenza ta’ tagħlim mmirata lejn il-bżonnijiet speċifiċi tal-istudenti individwali u rilevanti għall-industrija”.
Il-pubbliku hu mistieden jaqra l-prospectus fuq il-website www.mcast.edu.mt jew jiġbor kopja mill-kunsilli lokali. Din il-pubblikazzjoni fiha korsijiet ġodda li jkopru firxa wiesgħa ta’ kompetenzi u ta’ ħiliet.