Friday, December 13, 2024

L-MCCAA tniedi s-seba’ edizzjoni ta’ Premju Servizz bi Tbissima

Aqra wkoll

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) nediet is-seba’ edizzjoni tal-kompetizzjoni Premju Servizz bi Tbissima.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-premju, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn jispikkaw l-operaturi ekonomiċi li joffru servizz ta’ bejgħ ta’ kwalità u ta’ eċċellenza.

“L-apprezzament tal-konsumaturi lejn il-bejjiegħa li joffru servizz tajjeb jixpruna lis-settur tan-negozju sabiex ikompli jtejjeb il-kwalità tas-servizz, isaħħaħ ir-reputazzjoni u t-tkabbir fin-negozju,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Hija għalqet id-diskors tagħha billi rringrazzjat lill-MCCAA għall-ħidma tagħha biex tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa u fl-istess waqt appellat lill-konsumaturi sabiex jipparteċipaw b’entużjażmu f’din il-kompetizzjoni u b’hekk jirringrazzjaw lil min jagħtihom servizz bi tbissima.

Ritratt: Jeeremy Wonnacott

Iċ-Chairperson tal-MCCAA Helga Pizzuto qalet li Premju Servizz bi Tbissima jagħraf l-importanza tar-relazzjoni bejn min jixtri u min ibigħ, għaliex meta jkun hemm relazzjoni tajba l-problemi li jinqalgħu jissolvew f’iqsar żmien.

L-Inġ. Pizzuto tkellmet dwar l-irwol tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA li jipprovdi sostenn kontinwu lill-konsumaturi lokali. Is-sena li għaddiet dan l-uffiċċju laqa’ ’l fuq minn 9,000 talba għall-informazzjoni u intervjena b’mod dirett f’aktar minn 1,000 ilment permezz tal-proċess tal-konċiljazzjoni. Dan l-uffiċċju jipprovdi wkoll assistenza lil bejjiegħa lokali meta dawn jirċievu lmenti mingħand konsumaturi u jkollhom bżonn linji gwida dwar l-obbligi legali tagħhom.

Il-kompetizzjoni Premju Servizz bi Tbissima tippremja lin-negozji u bejjiegħa li jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jipprovdu l-aħjar servizz lill-konsumaturi. Huma l-konsumaturi li jivvutaw f’din il-kompetizzjoni. Din is-sena l-konsumaturi jistgħu jivvutaw lill-bejjiegħa li jaqgħu taħt ħames kategoriji ta’ xiri. Dawn huma: moda u sbuħija, supermarkets u mini-markets, prodotti elettroniċi u oġġetti tad-djar, bejjiegħa lokali online, u servizzi tal-ivvjaġġar u tat-trasport.

Ekonomija

Sport