Il-President George Vella jniedi skema biex ħaddiema jagħtu donazzjoni awtomatika fix-xahar lill-MCCFF
Il-President George Vella llum ħabba skema ġdida li tippermetti lil ħaddiema biex jagħmlu donazzjonijiet żgħar fix-xahar mill-paga tagħhom lill-Malta Community Chest Fund.
Negozji li jingħaqdu fl-iskema jistgħu jagħtu l-għażla lill-ħaddiema tagħhom biex jingħaqdu f’din id-donazzjoni ta’ kull xahar li tinqata’ awtomatikament mill-paga tagħhom.
Il-President aċċenna għall-pandemija tal-Covid-19 u kif din fixklet fil-ġbir ta’ fondi.
Huwa għamel referenza għall-Ballu tal-Qamar t’Awwissu u qal li l-MCCFF ma kinitx ħassret l-attività minħabba li ma kienx hemm ċans li dan jitħassar. Tenna li l-avveniment, li kien żvolġa fil-mument meta reġa’ kien hemm żieda fil-każi ta’ persuni pożittivi bil-Covid-19, kien ġie organizzat skont il-linji gwida maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Filwaqt li żied jgħid li l-MCCFF għalissa ma kinitx se torganizza aktar attivitajiet, huwa qal li fl-20 ta’ Settembru kienet se tiġi organizzata verżjoni iżgħar tal-Istrina. Dan bil-għan li l-organizzazzjoni karitattiva jirnexxielha tiġbor fondi u toħroġ mis-sitwazzjoni li tinsab fiha attwalment minħabba l-pandemija.
Huwa qal li l-organizzazzjoni karitattiva toħroġ mal-€1 miljun fix-xahar f’għajnuna biex tgħin lill-benefiċjarji tagħha.