Il-ħatra ta’ Dr Brendan Zerafa bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) huwa pass importanti fid-djalogu soċjali f’Malta. Din il-ħatra, li ġiet xprunata mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, tirrappreżenta mument fejn l-operat u l-istruttura amministrattiva tal-MCESD qed jiġu ssostnuti u msaħħa b’mod strateġiku. Dr Zerafa, li bħala Kap Eżekuttiv, se jaqdi wkoll ir-rwol ta’ Segretarju tal-Kunsill, għandu l-esperjenza u l-ħila biex jemmen li l-MCESD jista’ jagħti kontribut effettiv mhux biss fil-politika immedjata iżda wkoll fil-ħolqien ta’ viżjoni fit-tul għall-pajjiż.
Dr Zerafa huwa gradwat mill-Università ta’ Malta bħala avukat u kiseb Masters mill-Università ta’ Lancaster fir-Renju Unit. Fl-aħħar xhur, serva bħala Segretarju Eżekuttiv tal-MCESD, u qabel dan kellu rwoli differenti mal-Gvern ta’ Malta, fosthom fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. F’dawn ir-rwoli kien konsulent fuq materji legali, ekonomiċi u soċjali, u dan tawlu fehim profond tal-proċessi kumplessi li jinvolvu djalogu bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali.
Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) hija entita’ konsultattiva ewlenija f’Malta li temmen fid-djalogu bejn il-Gvern, l-imsieħba soċjali u setturi oħra tal-pajjiż. Huwa ttieħed bħala pjattaforma li tippermetti li l-politika ekonomika u soċjali tiġi diskussa, imfassla u implimentata b’mod inklussiv u realistiku. L-MCESD jikkonsisti minn rappreżentanti ta’ unions, dawk li jimpjegaw, is-soċjeta’ ċivili, u anke rappreżentanza reġjonali minn Għawdex, li flimkien jipprovdu rakkomandazzjonijiet lill-Gvern dwar inizjattivi kif ukoll deċiżjonijiet strateġiċi li għandhom impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Il-Kunsill kellu rwol attiv fil-proċessi bħal il-preparazzjoni tal-Budget annwali, diskussjonijiet fuq politiki fit-tul u affarijiet urġenti bħal il-ġlieda kontra l-pandemija COVID-19. Fl-aħħar snin, l-MCESD introduċa wkoll l-Young Shapers Forum, forum li jħeġġeġ parteċipazzjoni żagħżugħa biex tfal tas-sekondarja ikunu jistgħu jikkontribwixxu b’ideat u opinjonijiet li jħaffru l-politika soċjali u edukattiva.
Il-Kunsill għandu wkoll rwol strateġiku fid-djalogu mal-Gvern fuq inizjattivi bħall-Vision 2050 u proċessi ta’ konsultazzjoni kontinwa mal-imsieħba soċjali biex jippromwovi politika sostenibbli u inklussiva. Bl-istruttura tiegħu, l-MCESD jagħti lill-Gvern input essenzjali u jgħin biex il-politika tkun effettiva, inklussiva u fil-linja ma’ ħtiġijiet u aspettattivi tan-nies.
Dan il-ġurnal ħa l-okkażjoni sabiex jintervista lil Dr Zerafa li tana aktar dettalji dwar il-kariga ġdida tiegħu u anke xi objettivi li jixtieq jinkludi fir-rwol li se jkun qed jokkupa.
“Il-pożizzjoni tal-Kap Eżekuttiv mhix biss il-lat amministrattiv,” qal Dr Zerafa fl-intervista. “Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali huwa organukonsultattiv, li jinvolvi s-sħubija mill-unions, minn min iħaddem, il-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex u diversi setturi soċjali u ekonomiċi. L-għan tagħna huwa li ngħinu lill-Gvern biex jimplimenta policies li għandhom impatt reali fuq ħajja tan-nies u li jsaħħu l-proċessi ta’ djalogu soċjali.”
Skont Dr Zerafa, il-MCESD kellu rwol ċentrali f’diversi mumenti kritiċi fil-pajjiż. “Nista’ nsemmi l-pandemija tal-COVID-19 bħala eżempju ċar. Il-Kunsill kien involut fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ diversi pakketti u inizjattivi li salvaw eluf ta’ xogħlijiet u servizzi. Dan wera kemm id-djalogu soċjali jista’ jkun effettiv u kif jista’ jagħti riżultati konkreti li jħossu n-nies fil-ħajja ta’ kuljum. Konna hemmhekk f’diversi mumenti fl-istorja tal-pajjiż u se nkunu hemm meta l-għaqdiet ikunu jridu l-għajnuna tagħna.”
Dr Zerafa enfasizza wkoll il-kontribut tal-MCESD fit-tfassil tal-politika pubblika. “Hemm proċess annwali fejn l-imsieħba soċjali jippreżentaw il-proposti tagħhom għall-Budget. Il-Gvern jieħu nota u jiddeċiedi liema minnhom jinkludi. Din hija opportunità ċara fejn il-Kunsill jipprovdi input konkret li jħalli impatt fuq il-ħajja ekonomika u soċjali tal-pajjiż.”
Fost l-inizjattivi ġodda, il-liġi li emendat l-operat tal-MCESD introduċiet ukoll il-Young Shapers Forum, forum immirat biex iħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-istudenti tas-sekondarja. “Il-forum jagħti liż-żgħażagħ iċ-ċans li jipparteċipaw fil-politika u fil-ħidma tas-soċjetà. Mhux biss qed niffukaw fuq il-futur tagħhom iżda wkoll qed nagħtu vuċi għal dak li jista’ jkun preżenti u rilevanti għalihom issa,” spjega Dr Zerafa.
Dr Zerafa semma wkoll diversi diskussjonijiet importanti li saru fl-Mcesd. “Fost dawn, insibu l-ħidma fil-politika tat-trasport, id-distribuzzjoni tal-elettriku u anke diskussjonijiet fuq il-Viżjoni 2050. Dan huwa l-mod kif l-MCESD jgħin biex il-policy ma tibqax teorija biss imma tkun implementata b’mod effettiv, li tħoss in-nies kuljum.”
Hu kompla jgħid: “L-MCESD kien parti integrali fil-ħolqien tal-Vision 2050, l-ewwel organu pajjiżna li għamel rakkomandazzjoni dwar viżjoni ekonomika u soċjali fit-tul. Il-Kunsill jagħti input dwar kif il-Gvern għandu jħares lejn l-iżvilupp fit-tul u kif jista’ jistabbilixxi prijoritajiet li jikkontribwixxu għal stabilità ekonomika u soċjali.”
Dr Zerafa spjega wkoll il-valur ta’ konsultazzjoni kontinwa ma’ diversi setturi u l-importanza li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tiġi integrata fil-proċessi. “Meta bħala MCESD ltqajna ma diversi studenti fil-Public Service Expo, rajna kemm huma mħassba dwar temi bħal l-ambjent, l-istorja u l-ispazji miftuħa. Dawn huma l-polz tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, u huwa importanti li l-Kunsill jagħti l-opportunità biex dawn l-opinjonijiet jiġu inkorporati fil-politika tal-Gvern.”
Fl-istess ħin, Dr Zerafa jirrifletti fuq kif il-Kunsill jaħdem fuq il-proċessi fit-tul u kif jagħti input fuq il-politika mmedjata. “Il-Kunsill tagħna, jiddiskuti affarijiet mhux biss kif jgħidu l-Ingliżi short term imma anke long term. Aħna nappoġġjaw il-Gvern u nagħtu rakkomandazzjonijiet li għandhom impatt fuq il-futur tal-pajjiż u tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
L-esperjenza ta’ Dr Zerafa tagħti ħarsa ċara kemm il-kariga tiegħu hija kritika għall-futur tal-pajjiż. “Il-Kunsill mhuwiex biss biex jiffoka fuq il-preżent iżda biex jagħti struttura għall-politika fit-tul. Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, il-konsultazzjoni ma’ diversi setturi, u l-input għall-Budget u għal policies strateġiċi kollha jagħtu impatt li jidher fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies u fuq il-progress ekonomiku u soċjali tal-pajjiż.”
Bħala konklużjoni, Dr Brendan Zerafa jara l-kariga tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-MCESD mhux biss bħala pożizzjoni amministrattiva iżda bħala mezz biex jgħin biex il-politika soċjali u ekonomika tkun effettiva u inklussiva. Il-ħidma tiegħu tinvolvi li tqanqal djalogu bejn il-Gvern, l-imsieħba soċjali u l-ġenerazzjoni żagħżugħa, u b’hekk tkompli ssaħħaħ il-ħajja soċjali, edukattiva u ekonomika ta’ Malta.
Dr Zerafa jemmen ukoll li l-MCESD għandu dejjem jibqa’ mezz biex l-opinjonijiet ta’ kulħadd jiġu inklużi u biex il-pajjiż ikompli jimxi ’l quddiem b’viżjoni strateġika u b’impenn għal kull ċittadin, żagħżugħ jew adult, biex iħossu li qed jikkontribwixxu għall-futur ta’ Malta.